Il-Papa rrikonoxxa l-virtu erojka ta' tifel ta' disa' snin u poggih fit-triq għall-qdusija

Bħal-lum ġimgħa il-Papa Franġisku rrikonoxxa l-virtu erojka ta’ tifel Braziljan ta’ disa’ snin li waqt li kien qed jingħata trattament għall-marda tal-kanċer li ħakmitu, qatt ma lmenta u minflok offra t-tbatija tiegħu lil Ġesù.

Fl-1963, dan it-tifel, Nelson Santana, meta kien għadu għandu tmien snin, instab li qed ibati minn tip ta’ kanċer magħruf bħala “osteosarcoma”. Jum minnhom meta kien l-isptar talab lil ommu biex “twiegħed lil Alla li ma tgergirx meta tarah isofri u muġugħ”.

Ħila straordinarja

Infermiera u soru li kienu jikkuraw lit-tifel innutaw il-“ħila straordinarja” ta’ Nelson li jifhem it-tbatija li minnha kien għadda Kristu.  Is-soru kienet impenjat ruħha li waqt li kien l-isptar, it-tifel ikompli jitgħallem ir-reliġjon fejn kien ukoll irċieva l-Ewwel Tqarbina waqt li kien rikoverat.

Meta lil Nelson Santana qalulu li kienu se jatgħulu idu fejn kellu l-kanċer hu wieġeb li: “l-uġiegħ hu mportanti ħafna biex iżżid l-imħabba vera u ż-żomm l-imħabba li diġà għandek”.

Nelson Santana miet kaġun tal-kanċer, lejliet il-Milied tal-1964 fl-età ta’ disa’ snin.

Il-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin għadha kif irrikonoxxiet il-virtu erojka ta’ dan it-tifel flimkien ma dik ta’ sitt Servi ta’ Alla oħra u mexxiethom fit-triq tal-qdusija billi issa saru Venerabbli.

Min-naħa tiegħu l-Papa Franġisku, fis-6 ta’ dan ix-xahar iffirma d-difrieti relevanti u awtorizza lill-Kongregazzjoni biex tippromulgahom.

Flimkien ma Nelson Santa id-digriet jinkludi wkoll il-miraklu attribwit bl-interċessjoni tal-Venerabbli Donizetti Tavares de Lima, saċerdot Braziljan li issa jista’ jkun beatifikat.

Fid-digriet kienu rikonoxxuti wkoll il-virtujiet erojċi ta’ Brother Damiao de Bozzano, Kapuċċin Taljan li kien missjunarju fil-Brazil; Father Carlo Cavina, fundatur tal-Kongregazzjoni ta’ Ulied San Franġisk de Sales; il-Patri Kapuċċin Raffaele da Sant’Elia; il-Patri Franċiż Victorin Nymphas Arnaud Pagés tal-Istitut tal-Brothers tal-Iskejjel Insara; is-Soru Consolata Bertone, kapuċċina wkoll u l-lajka Gaetana Nuccia Tolomeo.