Il-maġġoranza tal-Amerikani huma kontra abort fi stadju tard tat-tqala

Iċ-Chairman tal-Kumitat Favur il-Ħajja tal-Konferenza Episkopali Amerikana għamel sejħa lill-Kungress Amerikan biex jgħaddi liġi li tipprojbixxi li jsiru aborti fi stadju avanzat tat-tqala għax qal li dan hu att barbaru.

L-Arċisqof Joseph Naumann, ta’ Kansas City ħeġġeġ lill-Kungress biex jgħaddi dik li hi magħrufa bħala il-Pain-Capable Unborn Child Portection Act li dwaru kien hemm dibattitu fil-Kumitat Ġudizzjarju tas-Senat fid-9 ta’ dan ix-xahar.

Prattika kerha

“Din il-liġi tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku dwar ir-realtà tal-mistħija li l-Istati Uniti hi waħda minn seba’ pajjiżi biss madwar id-dinja li tħalli l-prattika kera tal-abort lejn tmiem it-tqala, meta t-tarbija fil-ġuf tkun tista’ tħoss l-uġiegħ u jekk tingħata l-għajnuna medika adegwata tkun kapaċi tgħix anke barra mill-ġuf”, qal il-Karinal Naumann.

“Din il-proċeudra abortiva wara nofs it-tqala toħloq ukoll periklu serju għall-ħajja tal-mara. Illum il-maġġoranza kbira tal-Amerikani huma kontra li jkun permess abort lejn tmiem it-tqala u għalhekk wasal iż-żmien li l-Kungress jadotta din il-liġi.

Persuni legali

Il-Kardinal żied jgħid fi stqarrija li ħareġ, “Jien nitlob li l-kunsiderazzjoni ta’ din il-liġi twassal lill-pajjiż biex jagħraf lit-trabi mhux mitwielda bħala persuni legali li jixirqilhom l-imħabba u r-rispett tagħna lkoll”.

Din il-liġi li toffri protezzjoni lil trabi mhux mitwielda li kapaċi jħossu l-uġiegħ hi maħsuba biex testendi protezzjoni legali lil dawn it-trabi wara 22 ġimgħa tat-tqala. Skont l-organiżazzjoni nazzjonali Right to Life kif ukoll minn diversi studji li saru mis-Senat Amerikan, f’dan il-punt u anke aktar tard, it-tarbija mhux mitwielda tkun kapaċi tħoss uġiegħ kbir waqt l-abort.