Graziella u Fallon Mallia, l-omm u l-bint li nħasditilhom ħajjithom il-Ħadd filgħaxija f’inċident tat-traffiku fl-Imġarr, se jingħataw l-aħħar tislima għada.

Il-funeral se jsir għada fit-8.30am fis-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar.

Sadattant, Eli, iben Fallon u Lucy, omm Graziella, għadhom qed jitħabtu għal ħajjithom fl-isptar. Huma kienu fl-istess vettura li nhar il-Ħadd ħabtu biha ma’ vettura oħra fi Triq l-Imġarr.

Graziella u Fallon Mallia – iż-żewġ nisa li tilfu ħajjithom fl-Imġarr

Iż-żewġ nisa, minbarra li kienu involuti fil-komunità Żabbarija, kienu akkaniti tat-tim tal-futbol Liverpool. Il-klabb tal-akkaniti tal-Liverpool Maltin esprima s-sogħba tiegħu għal din l-aħbar.

Bosta oħrajn ikkummentaw bil-frażi sinonima mat-tim, You’ll Never Walk Alone. Raġel partikolari qal li sa ftit sigħat qabel l-inċident kien qiegħed il-quddies ħdejn il-vittmi, meta daqq il-mowbajl ta’ Fallon, bl-innu tal-Liverpool.

Intant, fil-Parlament, il-Ministru Ian Borg qal li x-xogħlijiet li qed isiru fit-toroq ma jaħtux għal dan l-inċident, u għalhekk, Infrastructure Malta mhijiex se tiftaħ inkjesta separata.

L-imwiet mhux minħabba x-xogħlijiet – Ian Borg

Sadattant, l-Alternattiva Demokratika qalet, “Il-ferneżija ta’ xogħlijiet f’daqqa fuq it-toroq qed iwassal għal nuqqas serju ta’ sigurtà li qed ikollha konsegwenzi traġiċi.” Carmel Cacopardo, iċ-Chairman tal-AD, qal li hu evidenti li m’hemmx sinjali biżżejjed biex javżaw is-sewwieqa bil-perikli minn trinek u xogħlijiet oħra. Qal li billejl, ħafna mix-xogħlijiet mhux qed ikollhom dawl li jimmarka l-lant tax-xogħlijiet, u hemm nuqqas ta’ bollards.