Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg sostna li hu ma kkonkluda xejn fuq x’ikkawża l-inċident fatali tal-Ħadd li għadda, fejn mietu żewġ persuni u ħalla 2 f’kundizzjoni kritika, u 4 oħra bi ġrieħi.

Però, ir-risposta għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt huma differenti mill-kummenti li għamel ilbieraħ waqt kollazzjoni ta’ ħidma.

Ftit sigħat biss wara l-ħabta, il-Ministru kien sostna li ma kellha xejn x’taqsam max-xogħlijiet fit-toroq. Huwa ġie rrapurtat li qal: “Irrid nenfasizza li l-ebda inċident li ġie rrapurtat dal-weekend kellu x’jaqsam max-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fit-toroq. L-appell tiegħi hu li kulħadd ikun responsabbli fis-sewqan. Ir-riskju m’huwiex biss għal ħajtek, iżda wkoll għal ħajjet is-sewwieqa l-oħra”. Huwa żied jgħid li l-inkjesti maġisterjali qed jikxfu l-fatti.

Il-kummenti tal-lum, li kienu bil-Malti hekk kif irrisponda lill-ġurnalist li jitkellem bl-Ingliż biss, jissuġġerixxu li mhix konkluża jekk ix-xogħlijiet fit-toroq kellhomx x’jaqsmu.

2 mejta, 2 fil-periklu tal-mewt, 4 bi ġrieħi

Il-ħabta ta nhar il-Ħadd, bejn zewġ vetturi, ħadet ħajjet żewġ nisa, u ħalliet anzjana u tifel żgħir f’qagħda kritika fl-Isptar Mater Dei. Dawn huma kollha membri tal-istess familja.

L-erba’ passiġġieri u s-sewwieq fit-tieni vettura sofrew biss grieħi ħfief.

AQRA: Aġġornata(3): Filmat: 2 mejta; 2 fil-periklu tal-mewt u 4 midruba fl-Imġarr

“Armejt il-proċeduri, ma rrispettajtx il-liġi” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li Borg ma rrispettax il-liġi.

Dan għaliex skontu,”mingħajr mistħija, fl-istess nifs” il-Ministru qal li bdiet inkjesta maġisterjali u wkoll ħareġ stqarrija jgħid li minn naħa tal-Ministeru tal-Infrastruttura, m’hemm l-ebda responsabbiltà li trid tintrefa’.

Delia sostna li Borg uża l-inċident bħala vantaġġ politiku biex jagħmel riklam għal kampanja elettorali.