Partit Nazzjonalista

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo stqarr li l-Prim Ministru kien preġudikat fil-kritika tiegħu fil-konfront tan-nies li mxew wara d-Duluri. Fi kliem Vassallo, dan minħabba li wasal għall-konklużjoni li dawn l-istess nies qed jipprattikaw ‘standards doppji’ meta huma kontra l-immigranti irregolari.

Meta kien qed jitkellem fil-ħin tal-Aġġornament, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo staqsa għaliex il-Prim Ministru il-Ħadd li għadda f’attività politika fil-Mellieħa, assuma li dawk jagħtu fuq sidirhom u jimxu wara d-Duluri u jitbikkew kontra l-abort, huma kontra dawk il-persuni li qegħdin jiġu bid-dgħajsa.

‘Dak li jgħodd għal kontra l-abort, għandu jgħodd għall-immigranti’ – PM

Vassallo staqsa lill-Prim Ministru min qallu, li dawk li marru wara d-Duluri, humiex ukoll favur il-ħajja għal dawk li jiġu bid-dgħajsa.

Huwa qal li l-Prim Ministru stess irid ikun konsistenti, meta l-ewwel ħarġet id-direttiva biex jitneħħew is-slaleb biex imbagħad jidher il-Ministru għas-Saħħa jirtiraha. Fl-istess ħin, qal Vassallo, għall-Gvern it-tarbija fil-ġuf ma titqiesx bħala persuna.

“Għaliex il-Prim Ministru qal li dawn bdew jagħtu fuq sidirhom, dan kien kumment dispreġġjativ u vojt u ma kellux għalfejn jasal biex jgħidilhom ipokriti. M’għandhomx dritt dawn il-persuni jitolbu kontra l-abort?” staqsa d-Deputat Nazzjonalista.

Vassallo qal li Muscat kien l-ewwel kap politiku li f’Malta semma l-kelma “push back”.