Luke Zerafa

Raġel li telaq mid-dar matrimonjali minħabba diżgwid mal-familja tal-mara qed jitlob biex l-ordni ta’ protezzjoni temporanja tiġi revokata għax qed jgħid li din qed tiksirlu drittijiet fundamentali.

Huwa ressaq rikors kostituzzjonali quddiem il-Qorti Ċivili, li fiha jisfida l-kostituzzjonalità tal-ordni maħruġa mill-Qorti tal-Maġistrati, li ma tippermettilux li jersaq lejn martu li żżewwiġha fi Tripli 6 snin ilu.

L-avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Julia Farrugia ffirmaw dan ir-rikors, għaliex kif inhi bħalissa, is-sistema tippermetti li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni temporanja mingħajr ma tingħata opportunità lir-raġel, jew il-persuna inkwistjoni, jgħid il-verżjoni tiegħu.

Il-koppja kienet ġiet toqgħod Malta fl-2013, u kellhom tifla fl-2015, qabel ma r-relazzjoni tagħhom marret għall-agħar, bil-familja tal-mara ssejjaħ lill-applikant “mhux Musulman tajjeb” minħabba l-istil ta’ ħajtu. Eventwalment, l-affarijiet marru mill-ħażin għall-agħar u r-raġel telaq mid-dar fl-2017, iżda ma riedx jaqta’ kull kuntatt minn ma’ martu u bintu ta’ 4 snin.

Jipprova jikkuntattja lil martu

Ftit wara li telaq mid-dar, il-mara biddlet in-numru tal-mowbajl tagħha u marret toqgħod f’post ieħor mingħajr ma infurmatu, u b’hekk ma ħallietlu l-ebda kuntatt tagħha, ħlief missierha, li kemm-il darba qallu biex jibdel ħajtu u jgħix ta’ “Musulman tajjeb” jekk irid jerġa’ jara lil bintu.

Hu pprova jmur fl-indirizz il-ġdid ta’ martu, imma kien għalxejn għax il-mara ma fetħitlux. It-tieni darba li pprova, huwa rnexxielu jasal sal-bieb tal-flett peress li l-bieb t’isfel kien miftuħ. Imma malli ħabbat fuq il-bieb tal-mara, tfaċċaw 2 pulizija li talbuh jitlaq. Hu pprova jżur l-iskola fejn tmur bintu wkoll imma kien ta’ xejn. Minkejja li wera lill-awtoritajiet tal-iskola dokumenti li juru li hu missier it-tifla, huwa ma tħalliex jaraha.

Passi legali kontrih

Dakinhar stess, huwa rċieva telefonata biex imur fl-eqreb għassa, fejn ġie infurmat li l-Qorti tal-Maġistrati ħarġet ordni ta’ protezzjoni temporanja li tipprojbih milli jersaq lejn martu, jikkuntattjaha jew jagħtiha fastidju.

L-ordni kellha tibqa’ effettiva sakemm jiġi deċiż jekk jittiħdux proċeduri kriminali kontrih, li jistgħu jimmultawh sa’ €7,000 jekk imur kontra l-ordni tal-Qorti.

Sa din il-ġurnata, ir-raġel ma kellux idea x’kien fih ir-rapport li wassal għal dawn l-azzjonijiet kontrih, u lanqas ma kien konxju x’għamel daqshekk ħażin li wassal lil martu biex tikseb ordni ta’ protezzjoni minnu. L-ordni għamlet referenza għal applikazzjoni li daħħal spettur tal-pulizija, iżda la l-ispettur u lanqas ebda uffiċjal tal-pulizija ma kienu kellmuh dwar ir-rapport li allegatament għamlet martu.

Għaldaqstant, ir-raġel sostna li proċedura bħal din kisritlu d-dritt għal smigħ ġust, skont ma jgħid Artiklu 39 fil-Kostituzzjoni, peress li l-pulizija ma talbitux il-verżjoni tiegħu ta’ x’kien ġara. Ir-raġel talab lill-Qorti tiddikjara d-dritt tiegħu għall-ħajja mal-familja u li tara kif inkisirlu dan id-dritt.