Wara li nirien kbar ħakmu l-Katidral Notre Dame f’Pariġi lbieraħ filgħaxija, il-President Franċiż Emmanuel Macron qed iwiegħed li l-Katidral jinbena mill-ġdid. Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar irnexxielhom isalvaw il-kampnari ewlenin u l-ħitan ta’ barra milli jisfrundaw, iżda l-ispira ta’ fuq il-kampnar u s-saqaf kollu ċedew.

Il-Katidral ilu jeżisti għal 8 sekli, u dam jinħaraq għal madwar 8 sigħat. Il-ħaddiema rnexxielhom jitfuh fit-3 ta’ filgħodu, huma u jippruvaw isalvaw ukoll arti ta’ valur u relikwi reliġjużi. Ħaddiem minnhom weġġa’ serjament.

Aġġornata (2): Filmat: Parti mill-Katidral Notre Dame tikkollassa minħabba nirien

Macron qal li Franza se tibda kampanja sabiex il-Katidral jerġa’ jinbena. Huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa eżempji tal-arkitettura gotika Franċiża. Macron semma ġbir ta’ flus u appell lil pajjiżi oħra biex jikkontribwixxu. “Nerġgħu nibnuh flimkien,” qal Macron. “Bla dubju dan hu parti mid-destin Franċiż u l-proġett tagħna għas-snin li ġejjin.” Fl-Istati Uniti, diġà bdew inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi, filwaqt li l-biljunarju tal-kumpanija Kering li għandha ditti bħal Gucci, qal li lest jagħti miljun ewro sabiex jerġa’ jinbena l-Katidral.

Eluf ta’ nies baqgħu jħarsu mbellhin lejn dak li sa ftit sigħat qabel kien wieħed mill-iżjed attrazzjonijiet turistiċi mfittxija. Uħud min-nies kantaw mużika liturġika b’tislima lill-Katidral.

Il-Vatikan jesprimi s-solidarjetà mal-Kattoliċi Franċiżi

Il-Vatikan qal li n-nirien li qabdu fis-“simbolu tal-Kristjanità fi Franza u fid-dinja” ħasdu lid-dinja u ħolqu diqa kbira. Qal ukoll li qed isir talb għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar. Huwa esprima s-solidarjetà mal-Kattoliċi Franċiżi u man-nies kollha ta’ Pariġi.

Is-Sindku ta’ Pariġi, Anne Hidalgo, qalet li wħud mill-ħafna biċċiet tal-arti fil-Katidral ġew salvati u kienu se jinħażnu f’post sigur.