Il-Kummissjoni Elettorali avżat lill-partiti politiċi rreġistrati u lill-kandidati indipendenti li se jikkontestaw l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali li għandhom sas-7pm ta’ nhar is-Sibt 20 ta’ April sabiex jissottomettu lill-Kummissjoni Elettorali lista u l-applikazzjonijiet relevanti ta’ persuni li jixtiequ jinnominaw bħala Assistenti Kummissjonarji, persuni biex jgħoddu l-voti, persuni biex jissorveljaw l-għadd tal-voti u aġenti tal-partit.

Għal dawk irreġistrati Għawdex

Il-Kummissjoni Elettorali avżat ukoll lill-votanti li huma rreġistrati Għawdex u jixtiequ li jiġbru d-dokument/i għall-votazzjoni tagħhom minn Malta u, viċiversa, minn votanti li huma rreġistrati Malta u jixtiequ li jiġbru d-dokument għall-votazzjoni tagħhom minn Għawdex li għandhom jagħmlu t-talba bil-miktub tagħhom malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard mis-6pm tal-Ħamis, 23 ta’ Mejju.

Il-Kummissjoni fakkret li t-talba għandha ssir fuq bażi personali jew permezz ta’ email fuq maltagozo.electoral@gov.mt jew permezz ta’ formola, liema formola tista’ tintbagħat b’mod personali jew b’email.

Id-dokumenti f’Malta jinġabru mill-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u dawk f’Għawdex mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fir-Rabat. Id-dati tal-ġbir huma mill-20 sat-23 ta’ Mejju u dan isir mill-votanti stess, billi juru l-karta tal-identità jew tar-residenza tagħhom.

Ara x’għandek tagħmel jekk se tkun imsiefer fl-elezzjoni

Il-Kummissjoni fakkret lil dawk il-votanti li jixtiequ jivvutaw ġimgħa qabel il-jum stabbilit għall-votazzjoni, minħabba każijiet ta’ safar jew sptar, illi għandhom ċans jieħdu l-ġurament sas-17 ta’ Mejju.