Liġi dwar il-fruntieri Ewropej, immexxija mill-MEP Maltija Roberta Metsola, ġiet approvata mill-Parlament Ewropew b’403 voti favur. Din il-liġi tirrigwarda bidliet fl-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX), li għandhom jirriżolvu n-nuqqasijiet attwali u jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet eżistenti fir-rigward tas-sigurtà u l-immigrazzjoni.

Metsola qalet li din il-liġi għandha tittrasforma l-mod li bih FRONTEX tittratta l-immigrazzjoni, u għandha ttejjeb il-ġlieda kontra l-kriminalità bejn il-fruntieri. Ikkummentat dwar il-fatt li din il-liġi se tkun iebsa ma’ dawk li mhumiex eliġibbli u ma dawk li jabbużaw minn dawk l-iżjed vulnerabbli, iżda kkonkludiet li kienu ċ-ċittadini li talbu lill-Parlament Ewropew għal din is-sistema.

Permezz ta’ din il-liġi, għandu jiġi stabbilit korp permanenti biex jgħin il-pajjiżi tal-UE fil-kontroll tal-fruntieri u fir-ritorni. Sal-2021 dan il-korp għandu jammonta għal 5,000 persuna, u jogħla għal 10,000 sal-2027. Għandu jinkludi wkoll persuni li jintbagħtu malajr meta jkun meħtieġ f’każ ta’ emerġenzi.

Ir-regoli ġew addottati b’403 vot favur, 162 kontra u 44 astensjoni.  It-test issa jrid jiġi approvat formalment mill-Kunsill qabel ma jidħol fis-seħħ.