Il-Professur Mary Anne Lauri tenniet li dawk kollha li nġemgħu ilbieraħ quddiem il-Qorti sabiex ifakkru t-18-il xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma humiex imġienen.

Fid-diskors tagħha, Lauri għamlet kuraġġ lil dawk kollha li nġabru quddiem il-Qorti. Sostniet li żgur, xi darba jew oħra, kollha kemm huma bdew jaqtgħu xi ftit qalbhom u ħallew id-dwejjaq jirkibhom. Sostniet li dan ġeneralment jiġri fi żminijiet differenti għal persuni differenti u għalhekk meta wieħed jaqta’ qalbu jsib min jgħamillu l-kuraġġ biex ikompli jissielet għall-ġustizzja.

Irrimarkat li hi ilha tgħallem kważi 40 sena u tħossha li falliet bħala għalliema. Sostniet li xogħolha huwa li tinfluwenza l-karattri u l-imħuħ u tgħaddi valuri sodi u mhux li tgħallem ix-xjenza u l-psikoloġija. Intant appellat lill-istudenti u ż-żgħażagħ sabiex ma jkunux passivi.

“Min ħaseb li jaf lil Daphne għax qara l-blogg sejjer żball” – Mallia

Hi u tirrifletti dwar il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, in-neputija tagħha, Megan Mallia qalet li dawk kollha li ħasbu li kienu jafu min hi Daphne għax kienu jaqraw il-blogg tagħha sejrin żball. Insistiet li Daphne kienet aktar minn sempliċi blogg onlajn.

Fid-diskors tagħha waqt il-vġili quddiem il-Qorti, 18-il xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Mallia qalet li Daphne kienet tħobb l-arti, l-istorja, l-arkeoloġija u kienet partikolarment interessata fl-antropoloġija. Hi kienet ukoll tħobb tkabbar il-pjanti u ssib użu ġdid għal ornamenti u għamara antika.

“Meta mietet Daphne, il-Ministri kellhom jirriformaw lil Malta” – Farrugia

Fid-diskors tagħha, Martina Farrugia sostniet li meta Daphne inqatlet, il-Ministri fil-Gvern kellhom jirreaġixxu b’mod aktar f’saħħtu għal dak li kienet qed tikteb u għal dak li affaċċjat. Farrugia qalet li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici kellu jkun qed jaħdem għal riformi li jipproteġu l-ġurnalisti. Qalet li l-Ministru għall-Edukazzjoni messu ingaġġa f’kampanji nazzjonali sabiex jeduka lill-poplu kollu dwar id-demokrazija, is-saltna tad-dritt u l-importanza li l-ħelsien jiġi ssalvagwardjat.

Tenniet ukoll li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna messu talab għal riformi finanzjarji sabiex jissikka l-ħabel madwar għonq dawk li jużaw il-ġursidizzjoni finanzjarja tal-pajjiż sabiex jaħslu l-flus.

“Baħar ta’ attivisti” quddiem Kastilja

Intant, fi Pjazza Kastilja inġabar baħar ta’ attivisti li żammew ‘l fuq ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia. L-attivisti ta’ Occupy Justice inġabru quddiem l-uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex jinsistu li minkejja li vuċi waħda ġiet imsikkta, għadd kbir ta’ vuċijiet qamu biex ikomplu jsejħu għall-Verità u l-Ġustizzja. L-attivisti kollha nġabru b’ritratt tal-ġurnalista assassinata f’idejhom.