Persuna spiċċat l-Isptar Mater Dei wara li persuni mgħammda u armati daħlu jisirqu minn ħanut f’Raħal Ġdid.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-każ seħħ ilbieraħ fit-8.30pm fi Triq Għajn Dwieli. Persuni mgħammda u armati b’arma taqta’ u bil-ponta daħlu fil-ħanut u talbu l-flus lill-kaxxiera, persuna ta’ 21 sena residenti Ħaż-Żabbar. Fl-istess ħin, persuna ta’ 38 sena residenti Raħal Ġdid stess kienet fil-ħanut u sofriet xi ġrieħi wara li, skont il-Pulizija, aċċidentalment intlaqtet bl-arma.

L-aggressuri ħarbu minn fuq il-post wara li serqu ammont ta’ flus kontanti. Il-persuna ta’ 38 sena ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.