Il-President ta’ Franza Emmanuel Macron it-Tlieta wiegħed li se jkun qed jerġa’ jibni l-katidral ta’ Notre-Dame ta’ Pariġi wara li nħataf min-nirien it-Tnejn filgħaxija. Hu qal li jittama li x-xogħol isir fi żmien ħames snin u l-poplu Franċiż jingħaqad sabiex jissewwa dan is-simbolu nazzjonali.

Macron tkellem waqt indirizz dirett fuq it-televiżjoni Franċiża wara n-nirien katastrofiċi fil-qalba ta’ Pariġi t-Tnejn li għadda. Dan wassal sabiex jipposponi mill-ġdid ir-rimarki tiegħu b’risposta għall-protesti kontra l-Gvern li ilhom għaddejjin għal xhur sħaħ.

Hu tenna li kien se jissielet sabiex jinbena n-Notre-Dame mill-ġdid u jkun isbaħ minn qatt qabel. Sostna li se jħalli f’idejn il-poplu Franċiż li jibdel dan id-diżastru f’opportunità li l-pajjiż jingħaqad u jirrifletti dwar f’liema stat qiegħed u kif jista’ jittejjeb. Sostna li dan mhux żmien fejn għandha tidħol politika, fl-istess waqt li ħassar id-diskors li kellu jagħti lbieraħ dwar il-protesti tal-hekk imsejħa “yellow vests”.

Hu żar is-sit tard it-Tnejn filgħaxija u waqt iż-żjara tiegħu kien għamel l-istess wiegħda. Il-katidral kellu partijiet minnu li jmorru lura għat-12-il seklu.