Id-dħaħen li mlew il-Katidral ta' Notre Dame it-Tnejn filgħaxija
L-għada tan-nirien kbar li ħakmu l-Katidral ta’ Notre Dame nhar it-Tnejn filgħaxija, il-bieraħ seta’ jkun assigurat li numru ta’ oġġetti sagri storiċi kienu salvati min-nirien bil-ħidma tal-pumpieri tat-tifi tan-nar.
F’messaġġ nhar it-Tnejn bil-lejl, is-Santa Sede qalet li kienet ixxukkjata u mdejqa bl-aħbar tan-nirien li ħakmu l-Katidral ta’ Notre Dame li hu simbolu tal-Kristjaneżmu fi Franza u d-dinja. Il-Vatikan esprima r-rabta tiegħu mal-Kattoliċi Franċiżi u mal-poplu ta’ Pariġi u wiegħed talb għall-pumpiera tat-tifi tan-nar u dawk kollha li kienu qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jikkontrollaw din is-sitwazzjoni drammatika.
 It-Tlieta filgħodu, id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Alessandro Gisotti qal li l-Papa kien iħossu qrib il-poplu Franċiż u kien qed jitlob għal dawk kollha li qed jippruvaw ilaħħqu mas-sitwazzjoni traġika li żviluppat wara dan il-ħruq fil-Katidral.

X’ġara?   

Nirien kbar ħakmu il-Katidral ta’ Pariġi li għandu 860 sena, ħarqu s-saqaf tal-injam tal-knisja u ġġarrfet il-lanterna tal-koppla.

In-nar dam iħeġġeġ għal aktar minn 12-il siegħa sakemm mijiet ta’ pumpiera tat-tifi tan-nar irnexxielhom jikkontrollawh.  F’din l-operazzjoni wieħed mill-pumpiera safa ferut gravi

In-nar beda f’żona madwar il-lanterna fejn xi ħaddiema kienu qed jagħmlu xogħol estensiv ta’ rinnovazzjoni fis-saqaf tal-knisja u fil-qafas tal-injam tal-koppla.

Il-Maġistratura ta’ Pariġi fetħet inkjesta biex tkun stabbilita l-kawża tan-niried iżda l-Pulizija qalet li kienet qed tassumi li n-nar beda b’mod aċċidentali.

 X’kien salvat?   

Il-ħitan gotiċi fuq barra tal-Katidral, il-faċċata u ż-żewġ kampnari ma ġġarfux. Il-famuż orgni tal-Katidral li jmur lura għall-1730 ukoll ma ntlaħaqx min-niried.

Kien rappurtat ukoll li l-pumpiera rnexxielhom isalvaw ħafna mit-teżori li hemm fil-Katidral. Mons. Patrick Chauvet, ir-Rettur ta’ Notre Dame qal li l-Kuruna tax-Xewk li kienu libbsu f’ras Kristu waqt il-passjoni, it-tunika li jingħad kien jilbes San Alwiġi li fis-seklu 13 kien Re ta’ Franza, ukoll kienu salvati min-niried.

 Magħqudin fin-niket

Messaġġi ta’ solidarjetà u niket qed jaslu fi Franza minn madwar id-dinja kollha.

L-Isqfijiet Franċiżi qalu li l-importanza tal-Katidral ta’ Notre Dame, tmur ‘l hinn minn Pariġi u dan jibqa’ simbolu ewlieni tal-fidi Kattolika. Huma stiednu lill-Kattoliċi madwar id-dinja biex ikunu “ġebel ħaj tal-Knisja” speċjalment f’dan iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa u jimtlew bit-tama ta’ Kristu Rxoxt.

Il-Kardinal Timothy Dolan, Arċisqof ta’ New York qal li l-poplu ta’ New York jingħaqad fin-niket mal-Poplu ta’ Pariġi. “Il-Ġimgħa Mqaddsa tgħallimna li, bħal Ġesù, il-mewt iġġib il-ħajja. Nittamaw li l-mewt tal-lum iġġib il-qawmien” qal il-Kardinal minn fuq iz-zuntier tal-Katidral ta’ San Patrizju f’Manhattan.

Il-Mexxej spiritwali tal-Knisja Ortodossa Kopta, Tawadros II ta’ Lixandra qal li dan in-nar ġieb “telfa kbira għall-umanità” u sejjaħ il-Katidral ta’ Notre Dame ta’ Pariġi bħala “wieħed mill-aktar monumenti mportanti fid-dinja”.