L-aktar li jfittxu s-servizz tal-Foodbank Lifeline Foundation huma Maltin. Dan qalitu l-voluntiera tal-Foodbank Christina Lejman waqt il-programm Follow Up immexxi minn Paul Cachia fuq l-istazzjon RTK 103FM ilbieraħ fejn ġie diskuss il-faqar.

AQRA: Filmat: Proprjetà tal-knisja tingħata għal food bank

Matul il-programm Lejman spjegat li l-maġġoranza ta’ dawk li jfittxu s-servizz tal-Foodbank huma Maltin, ħafna minnhom nisa anzjani li jkunu qatt ma ħadmu u għalhekk il-pensjoni li jirċievu ma tkunx il-massimu li jistgħu jieħdu. Lejman spjegat li dan iwassal biex dawn in-nisa ma jkollhomx biżżejjed flus biex jixtru x’jieklu. Kompliet tispjega li fost klijenti oħra hemm rifjuġjati u immigranti li jirrikorru għas-servizz li jingħata mill-Fondazzjoni. Sostniet li hemm ukoll familji li jispiċċaw f’diffikultà jew inkella jmut il-persuna li jkollu paga jew ikun hemm xi separazzjoni, dan iwassal biex ma jkunx hemm flus biżżejjed għall-ikel.

AQRA: Filmat: Xi jwassal biex anzjani jesperjenzaw il-faqar?

Lejman spjegat li minkejja l-perċezzjoni li kulħadd huwa sid ta’ daru, hemm faxxa ta’ nies li mhumiex sidien ta’ darhom, b’dawn ikunu l-iktar vulnerabbli. Kompliet tispjega li bħala Foodbank huma qed joħroġ madwar 100 pakkett għal 100 familja fil-ġimgħa. Dawn il-pakketti tal-ikel jistgħu jittieħdu jew minn individwu waħdu jew għall-familja.

AQRA: Jiżdiedu b’2,000 dawk f’riskju ta’ faqar f’Malta

Kif jaħdem is-servizz tal-Foodbank?

Lejman, li ilha voluntiera mal-Foodbank għal dawn l-aħħar erba’ snin spjegat li filwaqt li jaċċettaw li persuna taqbad u tmur għall-ikel, meta persuna tmur iktar minn darba ikollha bżonn tiġi referuta minn social worker. Spjegat li permezz ta’ ittra ta’ referenza wieħed jista’ jmur jiġbor pakkett tal-ikel sitt darbiet, ladarba tiġbor l-ikel għal sitt darbiet tista’ tingħata ittra oħra li sservi għal sitt darbiet oħra, iżda wara din id-darba l-Foodbank jirreferi dawn il-każijiet lill-entatijiet oħra.

Il-Foodbank, spjegat Lejman, huwa wieħed f’każijiet ta’ kriżi u mhux maħsub biex jibqa’ jgħin fit-tul. Sostniet li matul l-aħħar snin raw żieda fin-numru ta’ persuni li fittxew l-għajnuna filwaqt li baqa’ min ma jfittix din l-għajnuna. Minħabba ż-żieda fid-domanda għal dan is-servizz il-Foodbank se jkun qed jiftaħ tliet ċentri oħra madwar Malta.

Il-Foodbank Lifeline Foundation jinsab fil-Knisja ta’ Sant’Andrija l-Belt.

AQRA: Filmat: “Li kieku mhux għall-Foodbank, hemm nies li jmutu bil-ġuħ”

AQRA: Il-Foodbank għad għandu bżonn l-għajnuna tiegħek