Bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja Maltija qed torganizza laqgħa li fiha se jkun hemm rappreżentanti minn erba’ partiti politiċi.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li l-laqgħa se tkun waħda ta’ djalogu dwar dokument li l-kummissjoni ħarġet bi proposti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

“L-iskop tal-laqgħa huwa li flimkien niddiskutu dawn il-proposti, filwaqt li nkomplu nippromwovu spirtu ta’ djalogu politiku san bi preparazzjoni għal dan l-appuntament politiku”, skont il-Kummissjoni.

Għal din il-laqgħa se jkun hemm rappreżentanti minn erba’ partiti, movimenti u għaqdiet reliġjużi, u mexxejja oħra fi ħdan il-Knisja.

Il-laqgħa se ssir it-Tlieta 23 ta’ April f’Dar Ħanin Samaritan, Santa Venera fis-6.30 pm.

Biex tirreġistra tista’ tibgħat email lil gustizzjaupaci@maltadiocese.org.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta pproponiet soluzzjonijiet li għandha bżonn l-Ewropa li huma fidili lejn twemmin Kattoliku. Dawn inħarġu fi ktejjeb imħejji apposta għas-saċerdoti sabiex iservi bħala għajnuna għar-riflessjoni għal matul iż-żmien tar-Randan, b’mod speċjali għall-omeliji li jsiru fil-Ħdud.

Id-dokument tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq dak imħejji mill-Justice & Peace Europe (JPE) jiffoka fuq erba’ temi komuni għall-pajjiżi Ewropej. Dawn jinkludu:

  1. Il‑ġustizzja soċjali, id‑distribuzzjoni tal‑opportunitajiet u tal‑ġid, il‑faqar u l‑esklużjoni soċjali
  2. Il‑ħarsien tal‑ambjent, inkluż il‑ħela tal‑ikel
  3. Il‑paċi globali, u r‑realtà tal‑esportazzjoni tal‑armi
  4. Ir‑rispett għad‑dinjità u d‑drittijiet ta’ kull bniedem li huma mhedda minħabba prattiċi ekonomiċi inġusti