L-ishma fil-Juventus Football Club S.p.A. tilfu kważi 25% mill-valur tagħhom, l-akbar daqqa ‘l isfel kemm ilu fis-suq minn Diċemebru 2001, wara l-eliminazzjoni tagħhom miċ-Champions League. Il-valur komplessiv tal-Juventus niżel bi kważi 400 miljun ewro.

Id-dħul ta’ Ajax fl-2018 kien ta’ 92 miljun, inqas minn 20% tal-klabb Taljan, iżda din is-sena jista’ jesperjenza żieda sostanzjali hekk kif il-kwalifikazzjoni għas-semifinali tirrappreżenta dħul addizzjonali ta’ 12-il miljun f’premjijiet, esklużi bejgħ ta’biljetti u drittijiet televiżivi.

Wara ftit minuti mill-ftuħ tal-Borża f’Milan, l-ishma ta’ Juventus niżlu b’aktar minn 17% għal valur ta’ 1.39 ewro. Dan wassal biex l-ishma ġew temporanjament sospiżi. Għal kuntarju, l-ishma ta’ Ajax żdiedu b’8.5% għal-livell rekord ta’ 18.59 ewro.

F’dawn l-aħħar snin il-klabb ta’ Ajax, li fil-passat kien wieħed mill-aqwa forzi fl-Ewropa, kellu jiddependi l-aktar minn plejers li telgħu mis-settur ġovanili, u l-valur tal-iskwadra kollha li eliminat lil Juventus waħidha tiswa anqas minn Cristiano Ronaldo. L-attakkant Portugiż inxtara mill-klabb Juventin għas-somma ta’ mitt miljun ewro, minkejja l-età ta’ 34 sena tiegħu, bl-għan li tintrebaħ iċ-Champions League, li issa ilha nieqsa minn Turin għal 23 sena.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.