Il-prezzijiet tal-laħam tal-majjal fiċ-Ċina mistennija jiżdiedu b’aktar minn 70% fit-tieni nofs tas-sena wara li feġġet marda qawwija ta’ African swine fever, li qatlet madwar 10% tal-majjali fl-ewwel kwart tas-sena. Il-produzzjoni tal-majjal fiċ-Ċina naqset b’5% fl-ewwel tliet xhur tal-2019u u mistenni aktar tnaqqis fix-xhur li ġejjin hekk kif il-pajjiż qed ibati biex jikkontrolla l-firxa ta’ din il-marda qerrieda. Dan it-tbassir wasal hekk kif Washington u Beijing qed jippruvaw jilħqu ftehim biex itemmu gwerra kummerċjali li ilha għaddejja xhur biex iċ-Ċina tixtri aktar majjal mill-Istati Uniti biex tilħaq għad-domanda kbira li għandha.

L-African swine fever li hija qerrieda għall-majjali iżda ma tagħmilx ħsara lil bniedem infirxet ma’ partijiet kbar taċ-Ċina, li tipproduċi madwar nofs il-laħam tal-majjal madwar id-dinja. L-ewwel rapport ta’ din il-marda saru f’Awwissu u f’dawn ix-xhur hu mistenni li mietu jew jinqatlu mal-200 miljun ħanżir. Dan wassal għal żieda ta’ madwar 20% fil-prezz ta’ dan il-laħam. Filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet globali mhix mistennija tkun daqshekk konsiderevoli, Rabobank, li huwa bank internazzjonali li jispeċjalizza f’finanzjamenti agrikoli qed jipprevedi li s-suq se jesperjenza żieda fil-prezzijiet fix-xhur li ġejjin.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd -www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.