REUTERS/Francois Walschaerts

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal li minkejja l-estensjoni li ngħata r-Renju Unit għall-Brexit, xorta waħda hemm ċans li r-Renju Unit ikollu jitlaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun intlaħaq ftehim. Huwa appella lir-Renju Unit biex jieħu vantaġġ mill-estensjoni ta’ 6 xhur li ngħata biex jilħaq ftehim fuq it-tluq tiegħu.

Huwa għamel dawn il-kummenti f’intervista mal-gazzetta Ġermaniża FUNKE Mediengruppe, ġimgħa wara li l-mexxejja tal-UE taw lir-Renju Unit 6 xhur oħra żmien biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea.

“Ħadd ma jaf kif se jispiċċa Brexit, u dan qed joħloq inċertezza kbira. Għad hemm biża’ li jkun hemm Brexit mingħajr ebda trattat ta’ ftehim,” qal Juncker, u kompla jitkellem dwar l-effett negattiv u fit-tul li dan ikollu fuq l-ekonomija Ewropea.

Juncker qal li r-Renju Unit missu juża ż-żmien li ngħata b’mod għaqli, u mhux jerġa’ jeħlih, għaliex Brexit ma tistax tibqa’ tiġi mġedda.

Il-Parlament Brittaniku rrifjuta l-ftehim negozjat mill-Prim Ministru Ingliża Theresa May 3 darbiet.