Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia kkonferma li se joħroġ għall-elezzjonijiet Ewropej biex isir Membru Parlamentari Ewropew. Dan wara li ntbagħtet ittra lilu mill-Eżekuttiv u mill-Kandidati tal-Partit Demokratiku jitolbuh biex jikkontesta.

Farrugia huwa eks Ministru għas-Saħħa u kien irriżenja mill-Partit Laburista. Fl-2017, huwa kkontesta b’suċċess l-elezzjoni mal-Partit Nazzjonalista taħt il-Forza Nazzjonali.

Sant u Metsola jitfgħu n-nomina għall-elezzjoni

Iż-żewġ Ewroparlamentari Maltin Alfred Sant u Roberta Metsola tefgħu n-nomina għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Sant ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew f’din il-leġislatura filwaqt li Metsola ħadet postha fil-Parlament Ewropew f’April 2013 wara li l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil irriżenja meta ġie elett Membru Parlamentari fil-Parlament Malti.

Fi stqarrija, l-eks Mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant qal li fil-Parlament Ewropew huwa jrid jaħdem biex jirribatti u jrażżan bil-verità dik li sejjaħ bħala “kampanja ta’ żebliħ tal-isem u r-reputazzjoni ta’ Malta”. Dan filwaqt li saħaq li din se tkun l-aħħar elezzjoni li huwa se jikkontesta, l-istess kif kien qal meta nieda l-kampanja tiegħu aktar kmieni dan ix-xahar.

In-nomina ta’ Alfred Sant iffirmawha Alison Zerafa Civelli, Helena Dalli, Christian Zammit u Joe Debono Grech.

AQRA: Sant iniedi l-kampanja tiegħu

Min-naħa tagħha, Roberta Metsola qalet li tinsab kburija b’dak li rnexxielha tikseb f’dawn l-aħħar ftit snin filwaqt li qalet li fadal ħafna xi jsir. In-nomina ta’ Metsola ffirmawha Kate Gonzi, Luke Azzopardi, Joe Grech u Nicole Zammit.

Anki l-Ewroparlamentari Francis Zammit Dimech tefa’ n-nomina tiegħu illum. Huwa ġie elett fl-2017 wara li l-MEP Therese Comodini Cachia ġiet eletta fil-Parlament Malti.

Magħhom jingħaqad Zammit Dimech

Zammit Dimech qal li f’inqas minn sentejn huwa rnexxielu jikseb riżultati importanti. Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew adotta b’vot qawwi liġi ġdida li huwa nnegozja biex jkunu issalvagwardjati l-interessi tal-SMEs li jużaw pjattaformi onlajn biex jilħqu l-konsumaturi u li se jwassal għal deals aħjar għall-konsumaturi. Zammit Dimech ħadem ukoll fuq diversi kwistjonijiet ta’ saħħa speċifikament biex tisaħħaħħ il-ġlieda kontra l-kanċer u biex jiżdiedu s-servizzi għad-dijabetiċi.

Francis Zammit Dimech irringrazzja lil Louis Galea, eks rappreżentant Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Tonio Borg, eks Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Lawrence Gonzi, eks Prim Ministru ta’ Malta u Valerie Cassar Mejlak, kandidata tal-PN għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fil-Qala, Għawdex li nnominawh.

L-elezzjonijiet Ewropej f’Malta se jsiru s-Sibt 25 ta’ Mejju flimkien ma’ dawk tal-Kunsilli Lokali, bl-ewwel riżultati mistennija l-Ħadd kmieni filgħodu.

Elezzjonijiet 2019: L-ewwel riżultati mistennija kmieni l-Ħadd

Sa issa dawn huma l-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ssottomettew in-nomina tagħhom mal-Kummissjoni Elettorali:

Partit Laburista: Josef Caruana, Noel Cassar, Josianne Cutajar, Miriam Dalli, Mary Gauci, James Grech, Alfred Sant, Joseph Mario Sammut, Lorna Vassallo, Fleur Anne Vella
Partit Nazzjonalista: Peter Agius, Roselyn Borg, Michael Briguglio, Roberta Metsola, Frank Psaila, David Stellini, Francis Zammit Dimech
Partit Demokratiku: Camilla Appelgren, Anthony Emanuel Buttigieg, Martin Cauchi Inglott, Godfrey Farrugia
Alternattiva Demokratika: Carmel Cacopardo, Romina Tolu
Alleanza Bidla: Rebecca Dalli Gonzi, Ivan Grech Mintoff
Moviment Patrijotti Maltin: Simon Borg, Naged Megally
Imperium Europa: Norman Lowell
Indipendenti: Nazzareno Bonnici, Arnold Cassola, Stephen Florian