Il-Kardinal Luis Tagle tal-filippini jżur kwartier ta' nies foqra u emarġinati

Waqt żjara li għamel lil waħda mill-komunitajiet fqar ta’ Manila, fil-Filippini, fi tmiem il-ġimgħa, il-Kardinal Luis Antonio Tagle, ħeġġeġ lin-nies li jgħixu fiha biex ma jħallux il-flus jgħammxuhom u jitilfu d-dinjità tagħhom.

Waqt quddiesa li ċċelebra fid-distrett ta’ Tondo, il-Kardinal appella lin-nies biex jirfreżistu l-idolatrija  tal-ġid u l-għana għax din hi tradiment bħalma Ġuda l-Iskarjota kien għamel lil Ġesù Kristu.

Il-bejgħ ta’ persuni hu tradiment

Hu qal li wara dawn in-nies li jiżirgħu il-firda u n-nuqqas ta’ ftehim, hemm 30 biċċa tal-fidda li ħafna drabi jinħbew wara intenzjonijiet tajba. “Nittama li l-ġenerazzjoni tagħna twaqqaf dan it-tradiment fejn il-persuni jinbiegħu għal flus jew oġġetti oħra”, qal il-Kardinal fl-Omelija tiegħu.

Hu qal li l-flus ma jagħmlukx sinjur imma l-karattru tiegħek jagħmlek hekk.  Skont hu hemm ħafna nies sinjuri imma b’karattru fqir. “Fl-aħħar mill-aħħar, il-veru ġid u għana tiegħek hu l-karattru u dan m’għandux prezz.

Ikla mal-fqar

Għal din il-quddiesa li saret taħt tinda li tpoġġiet apposta qrib ix-xmara Pasig,  attendew bosta persuni.  Wara ‘l quddiesa, il-Kardinal Tagle ingħaqdu ma grupp ta’ persuni u ma’ xi voluntiera tal-parroċċa u kiel magħhom.

Il-Kardinal Tagle li hu maħbub ħafna mill-poplu tal-Fillipini hu qrib ħafna tal-morda u ol-emarġinati tal-pajjiż, minn żmien għal żmien iduru diversi nħawi tal-pajjiż, l-aktar dawk fil-bżonn.  Fl-2015 kien żar din l-istess żona li kienet inħakmet min-nirien kbar.