Il-Papa Franġisku mexxa ċ-ċeleberazzjoni tal-Vġili tal-Għid fil-Bażilika ta’ San Pietru fejn għamel referenza għall-ġrajja ta’ meta Marija Maddalena u nisa oħra sabu l-qabar ta’ Ġesù vojt.

Huwa qal li l-Mulej ineħħi l-iktar ġebel iebes meta t-tamiet u l-aspettativi tagħna jitfakkru bid-dnub, biża’ u l-mewt.

Il-Papa qal li hemm ġebla oħra li tagħlaq il-qalb tagħna, il-ġebla tal-mewt. Id-dnub jagħmi lill-bniedem u jwiegħed li jagħmel l-affarijiet faċli u aktar malajr, iwiegħed li joffri prosperità u suċċess iżda jħalli warajh mewt u solitudni. Id-dnub ifittex il-ħajja fost il-mejtin, u s-sinifikat tal-affarijiet meta jkun għadda żmienhom.

Il-Papa Franġisku li qiegħed jiċċelebra s-seba’ Għid tiegħu bħala Papa, niseġ l-omelija tiegħu madwar ir-rakkont tal-Bibbja dwar is-sejba tal-qabar vojt ta’ Ġesù.

Matul il-quddiesa, il-Papa amministra s-Sagramenti tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija lil tmien adulti minn erba’ pajjiżi differenti, fosthom Albanija, Ekwador, Indoneżja u l-Perù.

Illum il-Ħadd f’nofsinhar il-Papa mistenni jaqra messaġġ lid-dinja msejjaħ “Urbi et Orbi” fil-Pjazza tal-Vatikan. Segwi LIVE fuq Newsbook.com.mt.