Betty Bugeja

Skont l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt mhux xi teorija imma ġrajja li seħħet fl-istorja u li għadha sseħħ illum fil-ħajja tal-bniedem. Però, qal li dan isir jekk il-bniedem jiftaħ lil Ġesù meta dan iħabbatlu.

Mons. Grech qal dan fl-omelija tiegħu fil-Quddiesa ta’ Sibt il-Għid fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat, Għawdex. Skont l-Isqof, il-Qawmien jikkonferma l-identità ta’ Ġesù li hu l-iben ta’ Alla. Qal li daqskemm il-Qawmien jitfa’ dawl fuq il-persuna ta’ Kristu, daqshekk ieħor jixgħel dawl fuq il-persuna ta’ ommu Marija. Spjega li l-ġisem ta’ Kristu Rxoxt huwa l-istess ġisem li ssawwar fil-ġuf ta’ Marija ta’ Nazaret.

“Li Marija kienet preżenti meta twieled Ġesù huwa rrakkontat fil-Vanġeli; imma fl-istess Vanġeli ma nsibu eda ħjiel li Marija kienet preżenti dakinhar li Ġesù ħareġ mill-qabar,” qal Mons. Grech. Però, l-Isqof spjega li kemm “kunsens unanimu” fost il-missirijiet tal-Knisja u li hija fehma komuni fost it-teologi li meta Ġesù qam mill-mewt, hu wera ruħu lil Marija Ommu qabel kulħadd.

“L-evanġelisti ma qalux dan b’mod ċar biex ma jippreżentawx lil Marija bħala xhud tal-qawmien u hekk inisslu suspett f’dawk li ma jemmnux. Biex proprju tkun hi l-ewwel waħda, infetaħ il-qabar li minnu ħarġet il-ħajja. Kien minħabba fiha li l-anġlu għamel dak il-beraq, għax peress li kien għadu d-dlam, f’dak id-dawl hija setgħet tara mhux biss il-qabar vojt imma anki l-faxex mitnija”.

Fl-okkażjoni tas-Sena Marjana, Mons. Grech ippropona lil Marija bħala l-ewwel xhud tal-ġrajja tal-Għid.

“Fil-ħajja, anki fil-ħajja tal-Knisja tagħna, xi drabi l-blata tal-qabar tidher tqila ħafna biex ingerrbuha. Jixhidli Alla li jien, l-Isqof tagħkom, nagħmel ħilti biex ingerbeb din il-blata tqila ħalli l-Knisja tagħna ma tibqax qabar magħluq, biex ma nkunux Insara midfuna fid-dlam, l-għanqbut u l-moffa.”

Mons. Grech qal li jista’ jkun hemm bżonn it-theżżiża li kien hemm dakinhar ta’ meta Ġesù qam mill-mewt. Żied jgħid li f’dan l-Għid wieħed m’għandux jibża’ jieħu lil Marija għandu.