L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li llum, f’Jum l-Għid il-Kbir jitwieled sens ġdid, is-sens tal-fidi. Dan qalu fl-omelija tiegħu fil-festa solenni tal-Għid il-Kbir, fejn il-Knisja qed tiċċelebra u tfakkar il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu anke fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Iċ-ċelebrazzjoni immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna li bdiet fl-10.30am tfakkar ukoll it-twelid mill-ġdid tal-Bniedem għall-ħajja ta’ dejjem. Matul il-ġurnata, il-Knisja tgħix il-ferħ u l-emozzjonijiet l-oħra li d-dixxipli għexu wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet.

L-Arċisqof sostna li s-sensi tagħna huma neċessarji għall-perċessjoni tagħna. Qal li naraw il-qabar vojt, nisimgħu l-messaġġ ta’ Alla, inxommu l-fwieħa tal-qawmien mill-mewt u nitkellmu fuq l-esperjenza tagħna. Qal li iżda minbarra dawn is-sensi, jitwieled sens ġdid, is-sens tal-fidi.

Irrefera għall-Evanġelju fejn żewġ nisa marru lejn il-qabar ta’ Kristu u hemm iltaqgħu ma’ żewġ anġli, żewġ irġiel libsin l-abjad, li qalulhom li Kristu qam mill-mewt. Meta n-nisa, mimlijin biża’ qalu dan lill-appostli u d-dixxipli ta’ Kristu dawn ma riedux jemmnu u sostnew li kienu qed jimmaġinaw, u li kliemhom kien riżultat tan-niket li ġab miegħu l-mewt ta’ Kristu. L-Arqisqof spjega kif Pietru, ma’ din l-aħbar mar jara hu stess, u sab il-qabar vojt.

Mons. Scicluna temm jgħid li llum għandna nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal tal-fidi u nħalli li nerġgħu niġġeddu, f’qalbna u f’ruħna u nintlew bil-paċi li jġib miegħu Ġesù rxoxt. Sostna li llum nafu li Kristu tassew qam mill-mewt.

Ilbieraħ l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. F’din iċ-ċelebrazzjoni l-Arċisqof spjega li din iċ-ċelebrazzjoni tirrappreżenta “l-għajta ta’ tama” għall-bnedmin tad-dinja kollha.

Aqra: Filmat: L-Għid huwa “l-għajta ta’ tama” għad-dinja kollha – l-Arċisqof

Is-servizz b’filmati LIVE huwa pprovdut mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja –
www.knisja.mt