Il-Papa Franġisku qal li qalbu tmur għal dawk li mietu u ndarbu fi Sri Lanka kawża ta’ attakk terroristiku fuq bosta knejjes u binjiet oħrajn fil-pajjiż. Dan qalu quddiem eluf ta’ persuni li nġabru fi Pjazza San Pietru f’Ruma fejn wara li l-Papa Franġisku qaddes il-quddiesa solenni tal-Ħadd tal-Għid, wassal il-messaġġ tiegħu għall-Għid il-Kbir u ta l-Barka tal-Urbi et Orbi, li tfisser barka għall-Belt u għad-Dinja.

Il-Papa qal li jafda f’idejn Alla dawk kollha li tilfu ħajjithom, filwaqt li ħeġġeġ lid-dinja titlob għal dawk kollha li mietu u jinsabu jsofru fil-festa tal-Għid il-Kbir, li suppost għandha ġġibb ferħ lil kulħadd.

Id-diskors tal-Papa qabel ma ta l-barka, kien jirrivolvi l-aktar dwar il-kunflitti li qed jaħkmu partijiet kbar tad-dinja, minnhom ilhom għaddejjin għal għexieren ta’ snin. Fost il-pajjiżi li għamel referenza għalihom kien hemm is-Sirja, il-Yemen, u pajjiżi oħrajn fil-Lvant Nofsani, l-Amerka u s-Sudan t’Isfel.

Aqra: Aġġornata (2): Għid imdemmi fi Sri Lanka – 138 maqtula

Talab lill-mexxejja u l-Gvernijiet sabiex iwaqqfu l-kunflitti tagħhom u jissieltu bis-sħiħ għall-paċi fost il-popli. Il-Papa Franġisku talab ukoll lil Alla għall-paċi fil-kontinent Afrikan fejn hemm pajjiżi li għandhom persuni estremisti li jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ niket u saram għal dawk ta’ madwarhom, fosthom għexieren ta’ tfal.

“La tkunux indifferenti”

Fid-diskors tiegħu, il-Papa Franġisku talab sabiex il-poplu t’Alla ma jsirx indifferenti għall-uġiegħ ta’ dawk ta’ madwaru. Talab sabiex Alla ma jsibx lill-poplu tiegħu indifferenti, iżda jsib poplu li lest jibni pontijiet u mhux bibien, li lest jaspira lill-mexxejja biex jissieltu għall-paċi u mhux għall-kunflitt. Tenna li j’Alla l-idejn ta’ Kristu li fetħu l-bibien tal-qabar, jiftħu l-bibien tal-qlub tagħna għal dawk kollha madwarna li jinsabu fil-bżonn.

“Kristu huwa ħaj u jibqa’ magħna”

Il-Papa Franġisku sostna li propju llum niftakru li Kristu huwa ħaj, li jibqa’ mal-bnedmin u ma jabbandunahom qatt. Sostna li l-Irxoxt jgħajjat lill-bnedmin sabiex imorru għandu, anke meta dawn ikunu tilfu t-triq tagħhom u jistennihom jirritornaw għandu. Qal li Alla ħaj iġib il-ġovanezza lid-dinja.

Intant, f’Malta, l-Arċisqof Charles Scicluna sostna li llum, f’Jum l-Għid il-Kbir jitwieled sens ġdid, is-sens tal-fidi. Dan qalu fl-omelija tiegħu fil-festa solenni tal-Għid il-Kbir, fejn il-Knisja qed tiċċelebra u tfakkar il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu anke fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Aqra: Filmat: “Illum jitwieled sens ġdid, is-sens tal-fidi” – L-Arċisqof