Il-kandidata Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Josianne Cutajar tkellmet fuq il-ħames pilastri ewlenin fil-politika tagħha, fosthom il-viżjoni tagħha għal Għawdex, bħala Għawdxija.

Fi stqarrija qalet li dawn il-pilastri ħarġu minn diskussjonijiet ma’ nies fl-ibliet u l-irħula. Il-pilastri li tibbaża l-politika tagħha fuqhom huma l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, l-ambjent u l-iżvilupp sostennibli, il-migrazzjoni, u viżjoni għal Għawdex.

Cutajar iddiskutiet kif l-ugwaljanza hija l-mira tal-kampanja tagħha. Semmiet kif ugwaljanza ma jfissirx li kulħadd jingħata l-istess affarijiet, iżda li kulħadd ikollu l-istess opportunità li jgħix ħajtu kif jixtieq, li jizviluppa t-talenti u l-karriera tiegħu kemm jixtieq u li jieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-familja tiegħu.

Hija sostniet ukoll li l-ekonomija trid sservi l-bżonnijiet tal-familja moderna tal-lum, u dan huwa possibbli billi jkun provduti l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol u bilanċ aħjar bejn il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ.

Hemm programmi edukattivi biex jittejbu l-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali, stqarret Cutajar. Dan qed jsir biex tiġi evitata l-esklużjoni tal-anzjani u t-tfal. Hija tkellmet ukoll fuq kif inhu meħtieġ ippjanar iktar serju u wiesa’ biex jiġi protett l-ambjent naturali.

Il-kandidata kkonkludiet billi ssemmi kif għaliha u għall-Gvern, Għawdex huwa prijorità. Hija rreferiet għall-bżonn li Għawdex jibda jibbenifika iktar minn fondi Ewropej. Post ċkejken bħal Għawdex jixraqlu attenzjoni speċjali, attenzjoni liż-żgħażagħ, lill-familji, lit-tfal, lill-ħaddiema u lill-ġenerazzjonijiet futuri, temmet Cutajar.