Il-komunità Kattolika fi Rwanda għadha waħda dinamika (Ritratt J. NKINZINGABO)

Il-ġenoċidju li seħħ fi Rwanda fl-1994 kellu mpatt qawwi fuq il-Knisja Kattolika fil-pajjiż li ma kinitx kapaċi toffri protezzjoni lill-membri tagħha. Inqatlu ħafna saċerdoti u numru kbir ieħor spiċċaw il-ħabs.

Wara ż-żjara li kien għamel fil-Vatikan fl-2017 il-President Paul Kagame, ir-relazzjonijiet bejn il-Gvern ta’ Rwanda u l-Vatikan tjiebu minkejja li l-Gvern żied il-kontroll tiegħu fuq il-knejjes fil-pajjiż.

“L-affarijiet tjiebu! Iż-żjara tal-President sewwiet ir-relazzjonijiet” qal Fr. Vincent Gasana, Segretarju tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.  F’dik iż-żjara il-Papa kien talab “il-maħfra t’Alla għad-dnubiet u n-nuqqasijiet tal-Knisja u l-membri tagħha, fosthom qassisin, reliġjużi u nisa li ċedew għall-mibegħda u l-vjolenza u b’hekk ittradew il-missjoni evanġelika tagħhom”.

Maħfra għan-nuqqasijiet tal-Knisja

“Fi Rwanda l-insara nqatlu minn insara oħra” qal l-Isqof Philippe Rukamba li hu l-President tal-Konferenza Episkopali ta’ Rwanda. “Xi reliġjużi kienu akkużati li mexxew l-ideoloġija tal-ġenoċidju. Numru ta’ qassisin spiċċaw Il-Ħabs filwaqt li kien hemm saċerdot li kien kunannat mill-Qorti Kriminali Internazzjonali”, żied jgħid l-Isqof.

Il-Knisja bilfors intlaqtet minn ġenoċidju li kkaġuna l-mewt ta’ mill-anqas 800,000 persuni, fosthom 104 qassisin ta’ oriġini tt-Tutsi. Fil-fatt, il-knejjes fejn it-Tutsi fittxew kenn spiċċaw il-post tas-sagrifiċċju ta’ eluf ta’ nies. Fost dawn kien hemm il-knejjes fi Ntarama u Myamata.

Tliet Isqfijiet maqtula

Kien hemm membri oħra tal-Knisja, fosthom tliet Isqfijiet li nqatlu mill-forzi militari tal-Front Patrijottiku ta’ Rwanda li kien immexxi mill-President attwali tal-pajjiż.

Qabel l-1994, il-Knisja Kattolika kienet fil-qalba tas-soċjetà ta’ Rwanda u kienet tipprovdi tagħlim fl-iskejjel u mediċini. Iżda wara l-ġenoċidju n-nies, l-aktar iż-żgħażagħ bdew jakkużaw lill-Knisja li kienet responsabbli għal dak li seħħ.

Minkejja l-kobor ta’ dik it-traġenda, il-Knisja Kattolika fi Rwanda għadh waħda dinamika u fil-fatt, kull sena, jkunu ordnati madwar 60 saċerdot ġdid. Il-knejjes ikunu mimlija għall-funzjonijiet reliġjużi, is-seminarji mimlija u 70% tal-iskejjel fil-pajjiż huma skejjel Kattoliċi.

Impożizzjonijiet mill-Gvern

Qabel il-ġenoċidju tal-1994 il-Gvern kien jirrikonxxi tmien reliġjonijiet, imma llum hemm aktar minn 800 reliġjon li huma rikonoxxuti mill-Gvern, qal l-Isqof Rukamba.

Illum il-Knisja fi Rwanda hi mħassba minn rekwiżiti li mpona l-Gvern dwar it-trasparenza. Il-Gvern issa se jibda jara mnejn qed iġġib ir-riżorsi tagħha l-Knisja. Spiċċa ż-żmien meta l-Kappillan f’parroċċa jagħmel kollox hu.  Il-Gvern jikkontrolla wkoll il-pagi tal-għalliema fl-iskejjel kollha fis-settur privat u anke tal-impjegati tal-Knisja fil-qasam tas-saħħa.

Il-Gvern impona wkoll ordni biex il-Knisja tagħmel użu sħiħ mill-proprjetà tagħha jew inkella jikkonfiskaha.  Il-Knisja trid iżżomm il-bini kollu tagħha fi stat tajjeb u l-art li għandha trid tikkultivaha jew tibni fuqha.