Il-Partit Nazzjonalista llum beda l-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tal-Parlament Ewropew f’Mejju. Il-kampanja tnediet bil-kxif ta’ billboards tal-partit, li għandhom żball ortografiku fil-kelma “togħla,” li hija spelluta “tgħola.” Il-Partit Laburista malajr beda l-kampanja tiegħu wkoll, b’billboard li jirredikola l-iżball li ħa l-Partit Nazzjonalista. Huwa uża l-frażi tal-PN, “Flimkien għal Pajjiżna” u minflok “għal” għamel il-kelma “kontra,” għat-taparsi kien żball.

Il-billboard tal-PN li kien fiż-żona tal-Università ta’ Malta ġiegħel lil xi wħud li lemħuh sbieħ it-Tnejn biex iħarsu darbtejn, minħabba l-iżball li fih fil-verb “togħla.” Dan hu billboard marbut mal-elezzjoni tal-kunsilli lokali li jindirizza l-għoli tal-ħajja. L-iżball fil-billboard tranġa.

Il-kampanja tal-PN bdiet illum, filwaqt li dik tal-Partit Laburista għandha tibda uffiċjalment għada b’attività politika f’Ħal Tarxien, li se timmarka l-ftuħ tal-Konferenza Annwali Ġenerali tal-partit, li għall-ewwel darba se ssir barra mill-Kwartieri Ġenerali fil-Ħamrun.

L-iżbalji ortografiċi mhumiex nieqsa mill-istituzzjonijiet, mill-awtoritajiet u mill-midja, u niltaqgħu magħhom ta’ kuljum. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti riċentament ippubblika d-Deċiżjonijiet 2, li jiffukaw fuq il-kitba ta’ kliem mill-Ingliż bil-Malti.

Filmat: Ara kif għandek tikteb kliem mill-Ingliż fil-Malti

Min ikollu xi dubju dwar kif jispelli kelma, jista’ jistaqsi lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti fuq is-sit tiegħu.