Minn għada se jibdew jitqassmu d-dokumenti tal-vot skont il-Kummissjoni Elettorali.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali qalet li uffiċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti tal-votazzjoni minn għada. It-tqassim se jibda jsir kuljum bejn it-8 am u s-1 pm u bejn it-3pm u d-9 pm sa nhar is-Sibt l-4 ta’ Mejju jew l-Ħadd 5 ta’ Mejju skont id-distretti elettorali.

Skont il-Kummissjoni Elettorali, huwa importanti li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli li ma tkunx taħt is-16-il sena biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti tal-votazzjoni. Jista’ jkun hemm ukoll rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-Pulizija. Dawn ikollhom “biljett ta’ awtorizzazzjoni”.

Mingħajr id-dikument tal-vot, wieħed ma jkunx jista’ jivvota fil-25 ta’ Mejju.

Il-Kummissjoni qalet ukoll li se tilqa’ l-oppożizzjoni għal xi nomina ta’ kandidati fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar fit-23 ta’ April bejn id-9 am u s-1 pm u bejn it-3 pm u s-7 pm.