Raġel kien arrestat wara li pprova jdaħħal kontenituri bil-petrol fil-Katidral ta’ San Patrizju fi New York nhar l-Erbgħa filgħaxija.

Il-Pulizija ta’ New York identifikat lir-raġel bħala Marc Lamparello, student għal Dottorat fis-City University ta’ New York. Fl-imgħoddi kien arrestat drabi oħra jew minħabba sokor jew xi kontravenzjonijiet kriminali oħra.

Hu nżamm minn persuni responsabbli għas-sigurtà tal-Katidral għall-ħabta tat-8pm. Issejħu l-Pulizija fil-post u kien arrestat. Hu pprova jqabbad in-nar permezz ta’ lighter u l-pulizija qalet li kien hemm karozza tistennieh biex jaħrab mill-post.

Erba’ glalen petrol

Skont il-pulizija Lamparello kellu erba’ glalen petrol, żewġ laned bil-gass tal-lighters u żewġ lighters meta pprova jidħol fil-Katidral. Għalkemm inżamm fil-ħin u ma tħalliex jidħol fil-knisja, irnexxielu jxerred xi petrol fl-art waqt li kien qed jitneħħa minn fuq il-post.

Xi siegħa u nofs qabel ipprova jidħol fil-Katidral, Lamparello resaq lejn il-knisja f’minivan.  Dam idur ħdejn il-knisja għal madwar siegħa qabel ħareġ il-petrol mill-karozza imma nżamm milli jidħol fil-knisja.

Il-Pulizija qalet li l-istorja li qalilhom meta kien arrestat kienet waħda suspettuża u mhux konsistenti. Qal li kien se jgħaddi mill-Katidral biex iqassar it-triq għax il-karozza tiegħu waqfitlu. Iżda meta l-pulizija investigaw, sabu li l-vann mhux veru kien bla petrol kif qal hu u għalhekk arrestawh. Hu kkopera mal-pulizija.

Biljett one-way għal Ruma

Kien ikkonfermat ukoll li Lamparello kien xtara biljett one-way għal titjira lejn Ruma fejn kellu jitlaq l-għada tal-arrest tiegħu filgħaxija. Ma hemmx suspetti ta’ terroriżmu u l-pulizija qalu li r-raġel kien jidher disturbat emozzjonalment.

Ftit ilu l-istess raġel kien arrestat għax ma riedx joħroġ minn knisja fi Newark meta kien sar il-ħin biex din tagħlaq. F’dak l-inċident kien akkużat li rreżista l-arrest.

Lamparello ggradwa minn skola tal-Ġiżwiti fl-2004 u minn dakinhar ‘l hawn għallem il-filosofija f’diversi universitajiet u kien ukoll direttur mużikali fil-parroċċa Kattolika ta’ New Jersey.

Ħu l-persuna arrestata qal lill-ġurnal lokali li kien ixxukkjat meta sar jaf li Lamparello kien arrestat u sostna li ħuh mhux t’hekk.

Il-Katidral b’saqaf tal-injam bħal Notre Dame

Min-naħa l-oħra, is-Sindku ta’ New York, Bill de Blasio faħħar lill-pulizija għal azzjoni f’waqtha biex arrestaw lill-persuna suspettata. Is-Sindku qal li “aħna attenti biex inżommu l-knejjes u l-kongregazzjonijiet ta’ fihom f’sigurtà kbira waqt li qed jiċċelebraw il-Ġimgħa Mqaddsa.”

Il-Kardinal ta’ New York Timothy Dolan wera t-tħassib tiegħu għas-sigurtà tal-Katidral ta’ San Patrizju li bħal dak ta’ Notre Dame għandu saqaf tal-injam. Il-Katidral dan l-aħħar sarlu proġett ta’ restawr li ġie jiswa $177 miljun u kien mgħammar b’affarat ta’ sigurtà min-nirien.