Sara Xuereb rebħet midalja oħra fi Vjenna meta spiċċat fit-tielet post fil-Masters tal-bowling li ntlagħbu fl-għeluq tal-Kampjonati Ewropej taż-Żgħażagħ.

Wara li kkwalifikat fl-14-il post minn 65 plejer, fl-ewwel logħba għelbet lill-Ingliża Lucy Williams bi 2-0, u kompliet bl-istess riżultat kontra l-Finlandiża Peppi Konsteri. Fil-kwart tal-finali, wara bidu xi ftit kwiet fejn tilfet l-ewwel logħba, Xuereb rebħet it-tieni u t-tielet logħba kontra l-Iżvediża Nora Johansson biż-żewġ logħbiet ikunu missielta sal-aħħar. Fis-semifinali, Sara lagħbet kontra t-tieni Żvediża, Hanna Engberg, fejn tilfet l-ewwel logħba iżda rebħet it-tieni logħba biex sfurzat decider. Dan kien deċiż fl-aħħar żewġ frames fejn Engberg spiċċat b’sensiela ta’ strikes biex għelbet lil Sara 224-194. Fil-final l-Ingliża Isabel Allen għelbet lil Engberg biex ħadet il-midalja tad-deheb.

Sara tirritorna Malta b’żewġ midalji fiż-żewġ kompetizzionijiet li setgħet tieħu sehem f’dawn il-kampjonati, biex b’hekk kompliet iżżid mas-suċċessi internazzjonali tagħha, inkluż fil-Kampjonati tal-Mediterran tal-bowling li ntlagħbu f’Marzu li għadda.