Lewis Allen, ir-raġel ta’ Monique Allen, waħda mill-vittmi tal-attakki fis-Sri Lanka fl-Għid il-Kbir, irrakkonta l-mumenti ta’ taqtigħ il-qalb u kif sar jaf li martu mietet.

F’kumment li ta lil BBC wara ċ-ċerimonja tal-funeral ta’ martu, Lewis, Olandiż, spjega li hu u martu kienu fuq btala mat-tliet uliedhom subien u li kienu qed joqogħdu fis-Cinnamon Grand Hotel.

L-attakki kienu ilhom ippjanati 10 ijiem

Irrakkonta kif fil-ħin tal-attakk hu kien ma’ tnejn mis-subien fil-kamra tal-lukanda, filwaqt li martu u l-wild l-ieħor kienu qed jieħdu l-kolazzjon.

Emozzjonat, Lewis stqarr kif ibnu Jason intilef minn sensih għal ftit sigħat u li meta qam sab lil ommu b’ġerħa kbira f’rasha u mimlija demm.  Fisser li lil ibnu sabu l-isptar, imma lil martu ma seta’ jsibha mkien.

“It-tabib staqsieni jekk jien hux  OK, u weġibtu li ma tantx għax ma nafx x’ġara minn marti”, kompla jgħid.  Kien dak il-ħin li t-tabib qallu li aħjar jiċċekkja fil-kamra mortwarja.

“Bdejt nitlob li Monique ma tkunx hemm”

B’qalbu maqsuma, Lewis iddeskriva kif meta marru hemmhekk u bdew jikxfu liżar liżar, beda jitlob li “Monique ma tkunx hemm”. Imma wara ftit sab il-katavru tagħha quddiem għajnejh.

“Kont ixxukkjat, kienet qisha ħolma kerha, ma stajtx nemmen”, stqarr Lewis. Iddeskriva lil Monique bħala l-aqwa mara, omm u wild li wieħed seta’ kollu, u faħħarha għal kemm kienet qalbha tajba u kemm kienet iġġib lil ħaddieħor qabilha.

Ara r-RITRATTI

Lewis semma wkoll kif is-Sri Lanka kien il-pajjiż favorit ta’ martu u li xi kultant jaħseb li dan kien id-destin tagħha.

Illum fis-Sri Lanka ġiet iddikjarata ġurnata ta’ luttu nazzjonali, hekk kif qed isir il-funeral ta’ bosta vittmi.

40 persuna miżmuma b’rabta mal-attakki fi Sri Lanka

Mal-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, il-Pulizija qalu li żewġ aħwa Musulmani wettqu żewġ attakki fuq waħda mil-lukandi.

S’issa l-għadd ta’ vittmi tela’ għal 320.

Min huma l-vittmi?