Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima sostna li investiment ta’ €5.2 miljun f’faċilitajiet sportivi ġodda se jkunu qed iwasslu għal ċans ikbar li l-atleti Maltin jiksbu riżultati tal-ogħla livell fil-kompetizzjonijiet.

Grima kien qed jagħti kumment lil Newsbook.com.mt wara konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbar dan l-investiment tal-Gvern f’ċentru tat-tennis f’Pembroke u ċentru tal-isquash u l-weightlifting fil-Marsa Sports Grounds. Dan il-proġetti mistennija jwittu t-triq sabiex Malta tkun preparata biex tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023.

Skont is-Segretarjat, il-proġett taċ-Ċentru tat-Tennis, li se jiswa €2.2 miljun, se jkun maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi se tara l-bini ta’ tennis courts li se jinkludu xogħlijiet ta’ tħaffir, tal-elettriku, asfaltar tal-art fencing tal-madwar u parkeġġ għall-karozzi. It-tieni fażi se tara l-kostruzzjoni ta’ tennis house li se tinkludi uffiċini, boardroom, physio room, gym, lounge, ristorant, bar u store.

Imbagħad, il-proġett taċ-ċentru għall-isquash u l-weightlifting, li se jsir b’investiment ta’ €3 miljun, hu ppjanat fuq żewġ sulari. Fis-sular t’isfel se ssir reception, sitt courts tal-isquash tas-singles, żewġ courts tal-isquash għad-doubles, weightlifting training area, cafeteria u store kif ukoll żewġ fitness centres. Fit-tieni sular se jsiru żewġ netball courts. Iċ-Chairperson ta’ Malta Squash Association, Liz Said, qalet ma’ Newsbook.com.mt li issa l-atleti mhux se jkollhom bżonn isiefru għat-taħriġ barra minn Malta qabel ma jikkompetu, iżda se jkunu jistgħu jitħarrġu hawn stess.

Filmat: Luke Zerafa