Malta Customs Department

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti stqarr li f’jum wieħed id-Dwana qabdet tliet kontejners bid-droga. Spjega li fl-istess jum kien hemm moviment ta’ 50,000 kontejner, imniżżla u mtella’ fuq il-bastimenti.

Chetcuti kien intervistat minn Fr Joe Borg waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM.

Filmat: Il-qabdiet riċenti tad-droga

Huwa rrimarka li d-droga li tinqabad mid-Dwana tiġi mgħoddija lill-Pulizija, li fi kliemu jeqirduha fi krematur. Iċċara li l-ebda droga ma tintuża għall-mediċina.

Joseph Chetcuti semma wkoll kif id-Dipartiment tad-Dwana qiegħed hemm biex ikun tarka u protezzjoni għas-soċjetà. Spjega kif dan isir f’żewġ irwoli – dak fiskali fejn jiġi assigurat il-ġbir tat-taxxa u dak mhux fiskali, fejn id-dipartiment jipproteġi liċ-ċittadin.

Minbarra l-Port il-Ħieles, id-Dwana tipproteġi kull fruntiera, bħall-posta, l-ajruport u portijiet oħra.

Waqt l-istess programm, Chetcuti  żvela metodu li jużaw it-traffikanti tad-droga biex jgħaddu d-droga mill-ajruport. Il-metodu jinvolvi l-użu ta’ żewġ persuni differenti.

Filmat: Jiżvela tattika li jużaw it-traffikanti tad-droga fuq l-ajruplani