Fotografu fl-Istati Uniti xerdet numru ta’ ritratti ta’ qsim il-qalb ta’ għarusa li ddeċidiet li tibdel il-photoshoot tal-għerusija tagħha ma’ waħda biż-żifna tradizzjonali tal-missier u l-bint f’tieġ, hekk kif missierha kien marid terminali u wasal biex imut.

Il-fotografu Bonnie Turner xerrdet ir-ritratti fuq Facebook lejn l-aħħar ta’ Marzu u spjegat kif f’xogħolha ltaqgħet ma’ mara bl-isem ta’ Becky Carey. Qalet li għall-ewwel Carey bdiet issibha diffiċli biex issib data għall-photoshoot minħabba li kien hemm żmien twil ta’ maltemp. Aktar tard spjegatilha kif missierha kellu kanċer fil-prostata u ġismu kien wasal fl-estrem li ma setgħax jibqa’ jittollera aktar kura. Qaltilha li ħabta u sabta saru jafu li kellu jittieħed fil-kura tal-hospice. Imbagħad talbitha sabiex il-photo session li kienet ħallset depożitu għaliha tinbidel f’serje ta’ ritratti tal-familja.

Carey qalet ukoll li kienet sabet vidjografu li kien lest jieħu filmat tagħha u ta’ missierha jisfnu ż-żifna tradizzjonali tal-missier u l-bint li ssir fit-tiġijiet. Il-filmat qalet li kienet se turih meta tiżżewweġ. Hi talbet lill-fotorgrafu sabiex tieħu ritratti ta’ dan l-avveniment tant importanti għall-familja. Il-fotografu aċċettat din it-talba.

Fit-28 ta’ Marzu mbagħad, il-missier miet, madanakollu l-memorja tiegħu baqgħet ħajja grazzi għar-ritratti u l-att ta’ mħabba ta’ bintu.

Sal-lum il-post tal-fotografu xxerdet fuq facebook 34,000 darba u rċeviet aktar minn 5,000 kumment.