Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-Partit Soċjalista l-anqas jaf x’iġifieri demokrazija. Hu qal li l-istess partit qed jipprova jgħatti xturu għall-fatt li kien hu li ħassar l-elezzjoni lokali ta’ 16-il Kumitat Amministrattiv kif ukoll ħassar l-elezzjonijiet lokali tal-Kunsilli Lokali sentejn ilu.

Puli qal li mhux talli ċaħħad il-vot lil eluf ta’ nies, iżda caħħadulhom permezz ta’ liġijiet li għadda hu stess. Hu saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu 197 kunsillier li qed jirrappreżentawh fil-kunsilli u se jkun qed joħroġ kważi 100 kandidat aktar f’ismu fl-elezzjoni li ġejja.

B’reazzjoni għal dak li ntqal mill-Partit Laburista, Puli qal li l-Partit Soċjalista, ma għandux biżżejjed kandidati biex f’numru ta’ lokalitajiet bħal f’Ħ’Attard, San Lawrenz, Swieqi u Balzan, ma’ ssirx elezzjoni kieku ma’ kienx għall-ammont ta’ kandidati li qed jirrappreżentaw lill-Partit Nazzjonalista.