Matul il-ġurnata tat-Tlieta il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt laħħqu l-għola livel f’dawn l-aħħar sitt xhur hekk kif l-Istati Uniti komplew jissikkaw is-sanzjonijiet fuq l-Iran. Dan wassall għal tisħieħ fil-prezzijiet tal-ishma tal-kumpaniji tal-enerġija u tal-produtturi taż-żejt. It-Tlieta filgħodu l-prezz taż-żejt laħaq il-$ 75-il barmil.

Nhar it-Tnejn li għadda l-Istati Uniti ordnat lix-xerrejja taż-żejt mill-Iran biex jieqfu jixtru żejt minn dan il-pajjiż mill-1 ta’ Mejju li ġej, inkella jkollhom jaffaċċjaw sanzjonijiet minn Washington. Mossa li qed titqies minn analisti politiċi li se tħalli impatt importanti fuq id-dħul mill-esportazzjoni taż-żejt għall-Iran.

Il-White House qalet li qed taħdem mil-qrib mas-Saudi Arabia u mal-Emirati Arab Maqgħuda biex tiżgura li jkun hemm provvista adegwata fis-suq. Minkejja din ir-rassikurazzjoni, is-suq xorta waħda imħassebb dwar il-provvista u dan qed iħalli impatt fuq il-prezzijiet inġenerali.

Jiżdiedu il-pensjonanti li jkollhom jibqgħu jaħdmu fl-Istati Uniti

Fl-Istati Uniti numru konsiderevoli ta’ dawk li laħħqu l-età tal-irtirar jkollhom jibqgħu jaħdmu minħabba li m’għandhomx biżżejjed flus biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja. Skont studju li sar minn United Income, li hija kumpanija Amerikana fil-qasam tal-finanzi, huwa indikat li għall-ewwel darba fl-aħħar 57 sena, il-parteċipazzjoni tal-persuni li laħħqu l-età tal-pensjoni li jkollhom jibqgħu jaħdmu, laħħaq l-20 fil-mija. Iċ-ċifri jindikaw li fi Frar, l-ammont ta’ persuni li għandhom 65 sena jew iktar u li għażlu li jibqgħu jaħdmu irdoppja minn 10 fil-mija kif kien lura fl-1985.

Fuq rapport b’analiżi dettaljata fuq is-sit bloomberg.com, Teresa Ghilarducci, Professur tal-Ekonomija fi New School for Social Research, qalet li meta jinħadmu l-kalkoli ta’ kemm huwa stmat li l-pensjonanti jieħdu mis-Sigurtà Soċjali, dan jammonta għal 40 – 50 fil-mija tad-dħul tal-persuna qabel waqfet taħdem. Mill-esperjenza tan-nies, meta jiġi ikkalkulat l-ispejjeż ta’ kuljum, il-pensjonanti jeħtieġu madwar 80 fil-mija tad-dħul li kien ikollhom qabel jirtiraw biex iżommu mal-istil tal-ħajja li jkunu qed jgħixu.

Skont Ghilarducci dawk il-ħaddiema li jaqalaw l-inqas pagi mhux qed jirnexxilhom ifaddlu biżżejjed flus biex ilaħħqu mal-ħajja meta joħorġu bil-pensjoni. Dawn il-ħaddiema jammontaw għa madwar 50 fil-mija tas-suq tax-xogħol. Dan ifisser li iktar mhu se jgħaddu snin, iktar ħaddiema se jkollhom jibqgħu jaħdmu anki wara l-età tal-irtirar biex jgħixu ħajja diċenti.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.