L-2018 kienet l-ogħla sena fejn ġew rrappurtati lill-Pulizija każijiet ta’ vjolenza domestika bit-total jammonta għal 1,341. Bejn is-sena 2018 u s-sena 2010 hemm qabża sostanzjali fil-każijiet irrapurtati hekk kif tlaħħaq kważi s-700 każ.

Skont it-tabella ppreżentata mill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia waqt seduta parlamentari, l-akbar għadd ta’ persuni li ġarrbu vjolenza domestika kienu l-irġiel u n-nisa ta’ bejn it-18 u d-59 sena fis-sena 2018. Wieħed jinnota li hemm distakk kbir bejn l-irġiel li sofrew vjolenza u n-nisa fl-istess kategorija. Meta kkumparati, kien hemm 799 mara aktar  mill-256 raġel li sofrew minn vjolenza domestika. L-inqas sena li fiha ġew irrapurtati abbużi, kien propju fl-2010, meta ġew irrappurtati 659 każ, b’xorta waħda n-nisa jkunu l-aktar affetwati.

Fl-2018, ġew irrapurtati b’kollox 614-il każ ta’ vjolenzja fiżika, filwaqt li kien hemm 664 każ irrapurtati dwar vjolenza psikoloġika.

Dan sar magħruf wara li l-Membru Parlamentari Claudette Buttigieg staqsiet lill-Ministru Farrugia jippubblika sena b’sena, informazzjoni dwar vjolenza domestika li kienet irrappurtata lill-Pulizija.