Fi stqarrija, l-Akkademja tal-Malti esprimiet is-sodisfazzjon tagħha bid-Deċiżjonijiet 2 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti fuq il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti.

Dan id-dokument ġie kkumpilat u ppublikat wara snin ta’ studju u konsultazzjoni mal-pubbliku, ma’ individwi li ta’ kuljum jiktbu bil-Malti f’xogħolhom u ma’ bosta entitajiet, fosthom l-Akkademja tal-Malti.

L-Akkademja qed tħeġġeġ lill-imseħbin tagħha u lil kull min jikteb bil-Malti biex jinforma ruħu fuq dawn ir-regoli uffiċjali tal-kitba u jaddottahom f’kitbietu. Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni dwar dawn ir-regoli kif ukoll il-mixja lejn il-publikazzjoni tar-regoli minn fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.