Missier Joseph Bonnici qal lill-Qorti li huwa skantat b’dak li għamel ibnu li jinsab akkużat li qatel lil ommu u lil oħtu f’Ħal Għaxaq, hekk kif imbikkem iddeskrivih bħala tifel kwiet fi tmiem ix-xhieda tiegħu. Joseph Bonnici jinsab akkużat bil-qtil ta’ ommu Maria Lourdes u oħtu Angele Bonnici li kienu nstabu f’għalqa fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq.

Fil-Qorti, xehed Pawlu Bonnici missier Joseph Bonnici li jinsab il-ħabs fuq każ ta’ qtil doppju li seħħ f’2000 fejn kien weħel 31 sena ħabs. Il-Maġistrat Joe Mifsud spjega lir-raġel li jista’ jekk irid ma jixhidx kontra ibnu, iżda r-raġel għażel li jixhed.

Pawlu Bonnici qal lill-Qorti li l-Erbgħa 27 ta’ Marzu kien qed jistenna t-telefonata mingħand martu iżda din qatt ma waslet. Spjega li prova diversi drabi jċempel lill-mara, lil bintu u lit-tifel. Kien biss iktar tard matul il-jum li t-tifel kien wieġbu jgħidlu li ma jafx fejn huma. Il-missier ħeġġeġ lil ibnu jagħmel rapport mal-Pulizija.

READ: L-omm u bint irrapurtati nieqsa għadhom ma nstabux

Il-missier qal lill-Qorti li Angele u ħuha kellhom relazzjoni tajba imbagħad kienu kissruha, bil-missier jgħid li eventwalment Angele kienet qaltlu li ħuha stupraha. Pawlu Bonnici qal lill-Qorti li kien sorpriż b’dak li qaltlu u saqsieha għala qatt ma qalet lill-ġenituri tagħha. Kompla jgħid li Angele kienet tinsisti li se tirrapporta lil ħuha lill-Pulizija, filwaqt li minn naħa tiegħu kien ħeġġiġha biex jirranġaw is-sitwazzjoni ta’ bejnithom.

Xehdu wkoll l-imgħallem u kollega ta’ Angele Bonnici. Is-sidien ta’ fejn kienet taħdem Angele, iddeskrivew lill-vittma bħala persuna li dejjem kienet tasal kmieni. Spjegat li dakinhar qabel ma ġew irrappurtati nieqsa, kienu inkwetati hekk kif Angele ma rrappurtatx għax-xogħol. L-imgħallem spjega li prova jagħmel kuntatt diversi drabi magħha, kif ukoll il-mara tiegħu. Fil-Qorti ħareġ ukoll li Joseph kien mar fuq il-post tax-xogħol ta’ Angele jsaqsi għaliha.

Il-Qorti sabet li hemm biżżejjed provi biex Joseph Bonnici jitpoġġa taħt kap ta’ akkuża.

Il-każ se jkompli nhar it-3 ta’ Ġunju fid-9am.

Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Il-Prosekuzzjoni kienet immexxiha mill-Ispettur Keith Arnaud, l-Ispettur Roderick Attard u l-Ispettur Roderick Attard.

AQRA: Aġġornata – Qtil doppju: Qraba tal-vittmi jwasslu l-Pulizija għas-sejbien tal-katavri
 AQRA: Qtil doppju: Familja mġarrba b’delitt imwettaq mill-missier

10:43 Tixhed Rita Spiteri, li kienet ħbieb ma’ Marija Lourdes u Angele, li kienet tafu minħabba li raġel tagħha u tal-vittma kienu l-ħabs. Tgħid li saret tafhom u saru ħbieb.

Il-Prosekuzzjoni saqsiet dwar ir-relazzjoni bejn l-akkużat u l-vittmi. Tgħid li Angele kienet qaltilha li ma jitkellmux iżda qatt ma staqsietha r-raġuni filwaqt li l-omm kienet qaltilha li eżempju l-akkużat ma kienx jgħin meta kellhom bżonn iħallbu l-bejt.

Il-Qorti qalet li hemm raġuni biżejjed biex tpoġġi lir-raġel taħt kap ta’ akkuża u tibgħat id-dokumenti lill-Avukat Ġenerali. B’kollox dehru 47 xhud li nstemgħu f’4 seduti. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli fit-3 ta’ Ġunju fid-9am b’waranofsinhar ikomplu bl-aċċess fl-għalqa u fir-residenza.

10:39 Titla’ tixhed Ricca Concetta li taħdem il-WasteServ u hi tkellmet dwar l-1 ta’ April meta l-Pulizija marru jfittxu fuq il-post b’rabta mal-każ. Tgħid li l-post fejn kien qed ifittxu l-Pulizija huwa miftuħ għall-pubbliku sal-5.30pm. Spjegat li l-kontenituri jitbattlu kull meta jimtlew u għalhekk mhux dejjem l-istess.

10:36 Jixhed kuntistabbli ieħor li huwa stazzjonat il-garaxx tal-Pulizija li kien mitlub jiddentifika xi ritratti.

10:32 Jitla’ jixhed il-Kuntistabbli Kurt Schembri li jaħdem fil-garaxx tal-Pulizija li dakinhar ta’ 29 ta’ Marzu kien xogħol bil-lejl. Spjega li kienu infurmati li kien hemm xi katavri li kellhom jinġarru mill-post għall-kamra mortwarja. L-għada huma marru jirmunkaw karozza.

10:02 Jitla’ jixhed missier l-akkużat, Paul Bonnici. Il-Maġistrat jispjega li minħabba li jiġi missier l-imputat huwa għandu dritt li ma jixhidx fil-konfront ta’ ibnu. Ir-raġel jiddeċiedi li jixhed.

Il-Prosekuzzjoni ssaqsi lil Pawlu Bonnici jekk jafx għala tela’ jixhed, bir-raġel iwieġeb “ħabba l-każ li għamel”, il-Prosekuzzjoni saqsiet x’kien il-każ, bir-raġel iwieġeb, “skont ma smajt fl-aħbarijiet, li qatel lill-mara u lit-tifla”.

Jgħid li fit-8.30am l-Erbgħa prova jċempel lill-mara fuq t-telefon tad-dar u iktar tard fuq il-mobile. Kompla jgħid li prova jċempel it-tifla li ma qabditx lanqas. Jgħid li anki prova jċempel it-tifel iżda ma qabdux. Jgħid li ċempel lil oħtu u z-zija, biex tmur tiċċekkja d-dar forsi t-telefon kien bil-ħsara. Kompla jispjega li fl-aħħar irnexxielu jaqbad lit-tifel u qallu biex imur jiċċekkja d-dar. It-tifel kien qal lil missieru li ma jistax jidħol, b’Pawlu jispjegalu liema bieb għandu jkisser biex imur jara x’ġara u jmur flimkien maz-zija.

Pawlu Bonnici kompla jgħid lill-Qorti li qal lil ibnu biex jagħmel rapport lill-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni issaqsi għala talab li jitkellem mal-Pulizija.

Pawlu Bonnici jkompli jispjega li t-tifel mar jarah il-Ħamis u sostna li beda jibża’ li seta’ ġralhom xi ħaġa u ‘tatu rasu’.

Il-Prosekuzzjoni ssaqsi kif kienet ir-relazzjoni bejn it-tfal. Ir-raġel jgħid li Angele u Joseph kienu jmorru tajjeb ħafna. Ir-raġel jgħid li meta ħareġ mill-ħabs għal 3 snin, Angele kellha xi 13 u kienet bdiet toħroġ ma’ xi ħadd li kienet iġġib id-dar. Kompla jispjega li iktar tard dawn iġġieldu u hi bdiet toħroġ mar-raġel li kien isseparat.

Jgħid li iktar tard Joseph kien joħroġ ma’ mara li kienet isseparata iżda li hi u Angele kellhom ħbiberija kbira. Spjega li darba raha għarwiena d-dar ta’ Joseph nieżla tinħasel. Il-missier jgħid li kien avża lill-akkużat dwar is-sieħba tiegħu ħabba li din kienet isseparata, b’Joseph eventwalment jispjegalha li ħa jiefqu minħabba f’hekk. Il-missier jgħid li din eventwalment ikkommetiet suwiċidju. Jgħid li imbagħad ‘kissruha’.

Ir-raġel qal lill-Qorti li Angele kienet qaltlu li Joseph kien stupraha meta kienet żgħira, bil-missier jgħid li kien sorpriż u saqsieha għala qatt ma qalet lill-ġenituri tagħha.

Pawlu Bonnici kompla jgħid li din baqgħet tgħidlu li se tirrappurtah. Kompla jgħid li darba Angele qaltlu li se tqabbad tliet kaċċaturi biex imorru l-għalqa ta’ Joseph bl-iskop li jinqala’ l-ġlied, skont l-missier.

Il-Prosekuzzjoni saqsiet lil Pawlu Bonnici kif kienet ir-relazzjoni bejn l-omm u l-akkużat.

Il-missier qal lill-Qorti li l-omm ma kellhiex grazzja la mas-sieħba ta’ qabel u lanqas dik preżenti. Spjega lill-Qorti li l-mara tiegħu kienet tgħid li serqet xi borma jew taġen mid-dar ta’ omm l-akkużat. Il-missier spjega li kien dawn kienu jaħdmu t-tnejn u li ma kellhomx bżonn il-borom ta’ omm l-akkużat. Kompla jgħid li kienet ixxewwex kontra s-sieħba ta’ Bonnici. Qal lill-Qorti wkoll li l-visti minn naħa tal-mara kienu naqsu għal tlieta f’sena.

Il-missier jgħid li Angele kienet sewwa ħafna miegħu iżda mat-tifel ma kinitx, u li qatt ma qatgħetlu x-xewqa li tirranġa mat-tifel. Pawlu Bonnici jgħid li l-akkużat xtaq jagħmel ħbieb magħha. Kompla jispjega li t-tfajla ta’ Bonnici kienet tgħin ħafna lil Angele fl-eżamijiet.

Il-missier kompla jgħid imbikkem ‘jiskantani kif wasal jagħmel hekk għax tifel kwiet’. L-akkużat b’għajnejh ħomor nar jidher jibki wkoll fl-awla.

09:48 Jitla’ jixhed raġel li kien il-Kap tad-Dipartiment ta’ fejn kienet taħdem qabel. Kompla jispjega li huma baqgħu ħbieb sa jmorru l-baħar flimkien. Jgħid li f’Jannar kellimha u hi kienet qatlu li mdejqa u li mhix l-istess Angele bħalma kienet. Kompla jgħid li Angele kienet qaltlu żmien ilu li kienet abbużatha minn ħuha.

Il-Prosekuzzjoni saqsietu x’dettalji tatu dwar l-abbuż, bir-raġel jgħid li ma kienx talab dettalji minħabba esperjenzi personali.

Il-Prosekuzzjoni saqsietu jekk jafx lil ħu Angele, bir-raġel iwieġeb iva u li saħansitra kienu marru darba l-baħar flimkien. Kompla jispjega li Bonnici kien jaħdem f’pompa tal-petrol.

Fil-kontro-eżami l-avukat Franco Debono staqsa kemm ilu jafha lil Angele, bir-raġel iwieġeb jgħid li kien ilu jafha xi 10 snin. Jgħid li huwa ilu li telaq mill-post fejn kienu jaħdmu flimkien xi 6 snin.

Ir-raġel kompla jispjega li d-darba li mar il-baħar flimkien ma’ Angele, ħuha u l-għarusa ta’ ħuha huwa ra r-relazzjoni kienet waħda normali bejn l-aħwa.

L-avukat kompla jsaqsi jekk Angele f’dak iż-żmien li kienu jaħdmu flimkien, kellhiex xi ħbieb oħra li kienu joħroġu flimkien. Ir-raġel spjega li huma kienu jispiċċaw xift u kienu joħroġu flimkien.

Fl-awla preżenti hawn missier l-akkużat.

09:44 Jitla’ jixhed kuntistabbli tal-Pulizija li kien maħtur mill-Maġistrat inkwirenti. L-uffiċjal jippreżenta r-rapporti dwar il-munizzjon.

09:40 Titla’ tixhed impjegata li kienet taħdem ma’ Angele Bonnici. Tgħid li l-aħħar li kellmitha kien it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tat-8.30pm. Spjegat li Angele kienet qaltilha li kienet qed tipprova ssewwi xi laptop. Tgħid li l-għada filgħodu l-imgħallma tagħha staqsiet għal Angele.

L-impjegata kompliet tgħid kif kieku ma kinitx se tidħol għax-xogħol kienet tgħidilha. Kompliet tispjega li missier il-vittma kien ċempel mill-ħabs. Iktar tard, spjegat l-impjegata, ġie ħuha li għarfet mill-ewwel għax darba kien ħa fire extinguisher għas-service. Malli ratu l-impjegata saqsietu mill-ewwel “Angele? Angele?” bir-raġel jgħidilha li kien ġie jara jekk hux ix-xogħol.

Il-mara mbikkma tgħid li imbagħad rat l-aħbar.

09:33 Titla’ tixhed Cynthia Micallef l-mara ta’ Stephen. Hi tispjega kif Angele kienet parti mit-tim tal-accounts. Kompliet tispjega li kienet dejjem tasal kmieni u tlesti xogħolha. Kompliet tispjega kif l-Erbgħa, Angele ma kinitx ix-xogħol u pruvat iċċemplilha diversi drabi. Micallef tispjega li ppruvat tagħmel kuntatt diversi drabi mal-vittma u saħansitra bdiet tinkwieta li forsi seta’ ġralha xi ħaġa u bagħtitilha messaġġ tgħidilha biex ‘x’ħin tkun tista’ tibgħatilha lura’. Micallef tispjega li l-aħħar darba li ratha kien it-Tlieta. Meta mistoqsija kif kienet l-imġiba tal-vittma, hi ddeskrivietha bħala ‘normali’.

Micallef qalet lill-Qorti li waranofsinhar ġie ħuha fuq il-post tax-xogħol issaqsi għal oħtu. Spjegat kif huwa qalilha li kien għadu ġej mid-dar u ommu mhux qiegħdha hemm.

Il-Prosekuzzjoni saqsiet jekk kinitx taf li kellha ħuha u tgħid li iva u li ftit kien jissemma.

09:28 Jitla’ jixhed Stephen Micallef li jaħdem fuq il-health and safety li kien iħaddem lil Angele. Jgħid li kienu infurmawh li Angele ma daħlitx għax-xogħol. Spjega li dan ma kienx normali hekk kif hi kienet dejjem tidħol kmieni. Il-kollegi tax-xogħol pruvaw iċċemplulha u jagħmlu kuntatt magħha permezz tal-midja soċjali iżda Angele kienet qisha ‘sparixxiet’.

Micallef kompla jispjega li kien hemm xi ħadd li ċempel fuq in-numru tas-Sales mill-ħabs issaqsi għal Angele. Iktar tard matul il-jum ġie ħu Angele fuq il-post tax-xogħol ta’ oħtu.

09:26 Jitla’ jixhed Philip Pulis li jaħdem l-għalqa tal-għaqda tan-nar ta’ Ħal Tarxien biex din ma tibqax żdingata. Il-Prosekuzzjoni staqsa lil Pulis meta mar l-aħħar darba l-għalqa, bir-raġel iwieġeb Jannar.

09:24 Jitla’ jixhed Rodney Pisani li huwa involut fil-kamra tan-nar ta’ Ħal Tarxien. Huwa jispjega li huma għandhom għalqa mgħotija b’aċċess. Il-Maġistrat staqsa jekk l-għalqa tintużax biex minnha jinħaraq in-nar b’Pisani jwieġeb fin-negattiv.

09:22 Jibda jixhed l-avukat Richard Sladden li preżenta dokumenti dwar ir-residenzi fejn kienu joqogħdu l-vittmi u l-akkużat.

09:15 Jidħol fl-awla l-akkużat fejn ninsabu fl-awla 24.

AQRA: Qtil doppju: “Jiena nħobbha lil ommi, imma…” – l-akkużat lil zitu

Tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-qtil doppju f’Ħal Għaxaq kontra Joseph Bonnici akkużat li qatel lil ommu u lil oħtu.

Il-Qorti qed tiġi preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud.

Il-Prosekuzzjoni mmexxiha mill-Ispettur Keith Arnaud.

Għall-akkużat qed jidhru l-avukati Franco Debono u Marion Camillieri.

AQRA: Qtil doppju: Il-ġirien qatt ma basru li seta’ joqtol – rapporti