Il-Kap Eżekuttiv tal-bank APS Marcel Cassar qal li l-viżjoni tal-bank hija li jkun il-bank tal-komunità f’Malta. B’dan l-slogan, Cassar elenka l-valuri primarji li għandhom ikunu ffukati fuq l-eċċelenza, l-awtentiċità, il-passjoni, l-inklussività u li jagħmlu l-bank relevanti għall-ġurnata tal-lum.

Miguela Xuereb

Fil-laqgħa ġenerali annwali tal-APS ġew ippreżentati r-rapporti annwali tal-bank li fihom sar magħruf li l-bank għamel €13.7 miljun fi profitti, €620,000 iktar mis-sena li għaddiet.

Ma’ Newsbook.com.mt, Cassar qal li l-ħidma tal-bank se tkun qiegħda wkoll tiffoka biex iżżid il-kapital.

Qal li fil-Laqgħa Ġenerali Annwali, fost ir-riżoluzzjonijiet tas-soltu, ġiet approvata riżoluzzjoni li permezz tagħha l-bank ra żieda fil-kapital li se ssir mix-shareholders eżistenti.

Fil-preżentazzjoni tar-rapport annwali, Cassar tkellem fuq l-andament tal-bank u l-ekonomija li fiha l-APS qed jopera, kif ukoll dwar il-proġetti u l-pjanijiet għall-futur inkluż dwar il-Business Plan 2019-2021. Semma kif il-bank ħejja pjan biex jiġi żviluppat il-kapital tiegħu sal-2022, sena iktar mill-business plan. Dan filwaqt li spjega li “jekk ma jkollokx kapital, ma tkunx tista’ tikber”.

Dwar ir-riskji tal-bank, Cassar qal li fit-tmexxija ta’ bank hemm involuti diversi riskji fosthom bl-investiment fuq sistemi ġodda, fin-nies li jaħdmu fil-bank u spejjeż oħra. Spjega li meta jkun hemm is-self tal-flus, ikun hemm riskji u għal dawk ir-riskji jrid ikun hemm kapital investit.

This slideshow requires JavaScript.