Il-kumpanija Lego introduċiet proġett ġdid sabiex ikun jista’ jgħin lill-persuni għomja u dawk neqsin mid-dawl jitgħallmu l-Braille, permezz tal-logħob. Din il-logħba se tkun imnedija f’mod komplet fl-2020 u dawn se jkunu kompatibbli wkoll mal-biċċiet tal-lego eżistenti.

Is-sett komplut se jkun jikkonsisti f’250 biċċa u dan se jkun qed ikopri l-alfabett, in-numri u s-simboli tal-matematika kif ukoll ideat li wieħed jista’ juża biex jitgħallem u jieħu gost. Dawn il-biċċiet tal-lego qed jiġu ppruvati f’diversi pajjiżi fosthom fil-Portugall, l-Ingliterra u n-Norveġja.

It-teżorier tal-European Bling Union Philippe Chazal qal li minkejja li hawn ħafna kotba u programmi ftit huwa dawk it-tfal li qed jitgħallmu l-Braille. Kompla jgħid li dawk il-persuni li tgħallmu l-Braille huma iktar indipendenti, għandhom livell ta’ edukazzjoni ogħla u għandhom aktar opportunitajiet ta’ xogħol.