Ir-rivista Spanjola "Vida Nueva" li tat l-ewwel ħjiel tal-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Knisja

Fil-Kostituzzjoni ġdida tal-Vatikan li ilha titħejja għal numru ta’ snin, waħda mill-affarijiet ġodda se tkun il-ħolqien ta’ Dikasteru kbir għall-Evanġeliżazzjoni li jista’ jkollu saħħa anke mill-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi (KDF), li sal-lum kienet titqies bħala l-Kongregazzjoni Suprema.

Il-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi hi l-aktar waħda antika fil-Kurja Rumana u barra milli hi nkarigata biex iġġedded id-dutrina tal-Knisja u tiddefendiha mill-ereżija, illum hi nkarigata wkoll li tiġġudika qassisin li jkunu akkużati  b’abbużi sewwali ta’ minuri.

Predicate Evangelium

Novità oħra fil-Kostituzzjoni ntitolata “Predicate Evangelium” hi li l-Kongregazzjonijiet u l-Kunsill Pontifiċji, kollha se jibdew jissejħu “Dikasteri” kif diġa’ qed jissejħu numru ta’ uffiċċji u korpi maħtura mill-Papa Franġisku.

Id-Dikasteru l-ġdid tal-Evanġeliżazzjoni se jiġbor fih żewġ kongregazzjonijiet eżistetni, dik għall-Evanġeliżazzjoni tal-Popli u l-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġeliżazzjoni Ġdida li kien ħoloq Benedittu XVI fl-2010.

Il-Papa Franġisku dejjem jinsisti li l-Knisja hi missjunarja, qal il-Kardinal Oscar Rodriguez Maradiaga, wieħed mill-konsulenti tal-Papa. Għalhekk hu xieraq  li npoġġu fuq quddiem id-Dikasteru għall-Evanġeliżazzjoni u mhux dak għad-Dutrina tal-Fidi. B’hekk  il-Papa se jkun qed jibgħat messaġġ qawwi lill-Poplu t’Alla, tar-riforma li qed jagħmel.

Knisja li tevanġelizza

Il-Kardinal Oswald Garcias, konsulent ieħor tal-Papa Franġisku qal li l-punt ewlieni tal-Kosituzzjoni l-ġdida hi li l-missjoni tal-Knisja hi dik li tevanġelizza. Huwa qal lill-korrispondent tar-rivista “Vida Nueva” li l-Evanġeliżazzjoni hu l-mira ewlenija tal-Knisja, qabel kull ħaġa oħra.

L-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux irrappurtat li l-Papa jista’ jiffirma l-Kostitutzzjoni l-ġdida fid-29 ta’ Ġunju, festa ta’ San Pietru u San Pawl. L-Abbozz diġa’ ntbagħat lill-Konferenzi Episkopali kollha u l-kapijiet tad-dikasteri tal-Vatikan.

Il-Kostitutzzjoni l-ġdida mistennija toħloq ukoll Dikasteru għall-Karità u tgħaqqad flimkien  il-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura. Hu mistenni wkoll li l-Kummissjoni Pontifiċja għall-Protezzjoni tal-Minuri ssir aktar effettiva billi ssir parti mill-Kurja Rumana.

Predicate Evangelium se tpoġġi l-Kurja Rumana għas-servizz tal-Papa u tal-Isqfijiet.

Perjodu ta’ prova ta’ 25 sena

Malli t-test tal-Kostituzzjoni jkun approvat jidħol fis-seħħ għal “perjodu ta’ prova” ta’ 25 sena.

Dawn ir-riformi huma kontinwazzjoni ta’ tibdil li diġa’ kien implimentat bħala meta l-mezzi kollha tal-media tal-Vatikan ingħaqdu fid-Dikasteru għall-Komunikazzjoni u l-ġbir ta’ ħafna mill-Kunsilli Pontifiċji f’żewġ dikasteri kbar, dak tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja u dak għall-Iżvilupp Integrali Uman.

Skont il-Kardinal Maradiaga, il-“Predicate Evangelium” se tagħti lill-Poplu t’Alla perspettiva ġdida u kuraġġuża ta’ riforma fl-ispirtu ta’ Papa Franġisku. Il-Kostituzzjoni tieħu ħafna mill-kitbiet tal-Papa fosthom l-Evangelii Gaudium, il-Laudato Si u l-Amoris Letitita. “Din mhux se tkun bidla kosmetika imma mbutttura għal bidla fil-mentalità li diġa’ bdiet isseħħ”, qal il-Kardinal Maradiaga.