Miguela Xuereb

Il-Kunsill Lokali Tal-Pietà fetaħ kont bankarju sabiex kull min jista’ jagħti donazzjoni li mbagħad tmur biex tgħin lil dawk li tilfu darhom kawża tat-tiġrif.

Dan ħabbru s-Sindku tal-Pietà Kieth Tanti fuq Facebook fejn sostna li hemm bżonn li kulħadd iżomm quddiem għajnejh li dawn il-persuni spiċċaw barra, mingħajr l-aktar affarijiet bażiċi. Għaldaqstant ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex ikun ġeneruż.

Min jixtieq jgħin jista’ jagħmel trasferiment bankarju fil-kont li ġej: IBAN: MT31 VALL 2201 3000 0000 4002 5812 220. L-isem tal-kont bankarju huwa: Pieta’ Local Council a/c Donations Empire Flats.

X’ġara aktar kmieni llum?

Il-Gvern qal li l-kuntrattur li kien qed jibni biswit il-binja li ġġarrfet ilbieraħ filgħaxija fil-Pietà kien issottometta d-dokumenti kollha u ma kienx hemm rapporti dwaru.

AQRA: “Ma kienx hemm rapporti dwar il-bini f’Tal-Pietà” – il-Gvern

Fi stqarrija mill-Ministeri kkonċernati, il-Gvern qal li qed jiġbor l-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kollha dwar l-inċident li seħħ fi Gwardamanġa fil-Pietà. Qal ukoll li dwar dan il-każ għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Jitħassru l-eżamijiet kollha tat-teorija tal-liċenzja

It-testijiet kollha tat-teorija li wieħed irid jagħmel sabiex ikun eliġibbli biex jagħmel l-eżami tal-liċenzja tal-karozza ġew imħassra kollha temporanjament hekk kif l-uffiċju ta’ Transport Malta f’Tal-Pietà ġġarraf. Is-servizz jerġa’ lura għan-normal bħal-lum ġimgħa.

AQRA: Jitħassru l-eżamijiet kollha tat-teorija tal-liċenzja

Riskju li taqa’ parti oħra mill-bini

Il-Pulizija fuq il-post dalgħodu talbu lil dawk kollha preżenti sabiex jitbiegħdu miż-żona hekk kif hemm riskju li taqa’ parti oħra mill-bini. Fuq il-post għad hemm xi ftit kommossjoni hekk kif bosta nġemgħu sabiex jaraw il-frakass tal-bini fit-triq.

Skont sorsi, familja partikolari rnexxielha toħroġ mill-binja tagħha bil-kelb b’kollox ftit tas-sekondi qabel ma din iġġarrfet.

AQRA: “X’qed tistennew? Li jiġri xi ħaġa?”

Waħda mir-residenti tad-dar li ġġarrfet ilbieraħ f’Tal Pietà sostniet ma’ raġel li jiffrekwenta ż-żona li hija grazzja minn Alla li baqgħu ħajjin. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.15pm fit-Telgħa ta’ Gwardamanġa.