DOI - Pierre Sammut

Ġie inawgurat ċentru ġdid għall-kura tal-għajnejn fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li inawgura ċ-ċentru stqarr li dan se jkun one-stop-shop għal min ikollu problema f’għajnejh, fejn fl-istess ġurnata pazjent se jkun jista’ jagħmel diversi testijiet.

X’se joffri ċ-ċentru?

  • Screenings tal-għajnejn
  • Klinika tar-refraction: tiġi ċċekkjata l-vista tiegħek minn speċjalista li jista’ jagħmillek riċetta għan-nuċċali f’każ ta’ bżonn.
  • Screenings għall-glaucoma: l-għan tas-servizz hu li jinqabdu fi stadju bikri każijiet tal-glaucoma
  • Klinika tal-glaucoma: servizz għal individwi li diġà għandhom il-glaucoma. Jiġi offrut monitoraġġ perjodiku tal-għajnejn
  • Klinika tad-diabetic retinopathy: Servizz iddisinjat speċifikament għal pazjenti dijabetiċi.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li fl-2018 kien hemm madwar 14,000 pazjent li rrikorra fiċ-ċentri tas-saħħa għal xi servizz relatat mal-kura tal-għajnejn.

Xi trid tieħu miegħek?

  • Il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew il-passaport
  • Biljett ta’ referenza, jekk irreferut mit-tabib tiegħek
  • Riċetta medika tal-għajnejn, fejn japplika
  • Il-karta r-roża jew is-safra

Min jista’ jibbenefika minn dan iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza?

Kulħadd, speċjalment:

  • Persuni li għandhom bżonn check up tal-għajnejn
  • Persuni li qed iħossu sintomi relatati mal-vista tal-għajnejn

Kif tista’ tagħmel appuntament?

Biex tagħmel appuntament tista’ ċċempel lill-Call Centre tal-Primary HealthCare fuq 21231231