L-inklużività fl-isport, l-importanza tal-vot, u fuq kollox li l-persuni b’kapaċitajiet imħallta jiġu kkunsidrati għall-abbilitajiet u mhux għad-diżabbilitajiet tagħhom kienu l-messaġġi ewlenin fl-avveniment Did-darba se Nivvota għall-Isport.

It-tournament tal-basketball bis-siġġijiet bir-roti kien organizzat mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta flimkien mal-Malta Basketball Association, il-Malta Wheelchair Basketball, il-Malta Paralympic Committee u l-Aġenzija Żgħażagħ, biex titqajjem kuxjenza dwar l-Elezzjonijiet Ewropej tal-25 ta’ Mejju 2019.

L- inklussività fl-isport u l-importanza tal-vot biex insawru l-futur tagħna – l-E. T. il-President Vella

L-E. T. il-President ta’ Malta Dr George Vella ffoka fuq l-importanza tal-isport bħala fattur li jgħaqqad – u fuq id-dmir ċiviku li wieħed jivvota biex jissawwar il-futur, partikolarment għaż-żgħażagħ u għal dawk li qed jivvutaw għall-ewwel darba, billi dan huwa l-aħjar mezz li għandhom biex jissalvagwardjaw il-futur tagħhom.

F’Did-darba se Nivvota għall-Isport, ħadu sehem atleti tal-basketball li kienu jvarjaw minn atleti li kienu professjonisti sa atleti b’kapaċitajiet imħallta, u dilettanti oħrajn tal-basketball li kollha kkompetew kontra xulxin f’mini-tournament 5×5 ta’ ħbiberija tal-basketball bis-siġġijiet bir-roti.

L-avveniment kien parti mill-kampanja Did-Darba se Nivvota madwar l-UE kollha mnedija mill-Parlament Ewropew biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fid-demokrazija Ewropea. Il-kampanja hija mmexxija miċ-ċittadini, u aktar minn kwart ta’ miljun Ewropew jew Ewropea rreġistraw biex isawru l-UE futura. L-attivisti u l-voluntiera madwar l-Ewropa qed ikollhom taħdidiet, jiġru maratoni, iżuru l-iskejjel u f’każ wieħed anki mxew minn Lyon sal-Parlament Ewropew fi Brussell – dan kollu biex jinkoraġġixxu l-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej.

It-tournament tal-basketball bis-siġġijiet bir-roti ntrebaħ mit-tim tal-Malta Wheelchair Basketball Association, immexxi mill-kaptan u kowċ Noel Aquilina, u li kien jinkludi lill-aħwa Matthew Enriquez, li għandu diżabilità fiżika, u Andy li jilgħab b’appoġġ għal ħuh. Missierhom ukoll issieħeb fit-tournament bħala appoġġ għal uliedu. Fost il-plejers kien hemm ukoll Ann Ebejer, li rebħet il-midalja tad-deheb fil-200 metru tal-atletika fl-Olimpjadi Speċjali – li enfasizzat ix-xewqa tagħha għal aċċess għall-isport tal-massa u li dawn iż-żgħażagħ ikunu apprezzati għall-ħiliet tagħhom aktar milli distinti mid-diżabbiltà tagħhom.

Is-Sur Aquilina, mill-Malta Wheelchair Basketball Association, żied jgħid li “l-isport hija lingwa li kulħadd għandu jitħalla li jitkellem, irrispettivament mill-abbiltà tal-individwu”.

“Li tivvota fl-elezzjonijiet Ewropej huwa l-aħjar mezz għaċ-ċittadini biex ifasslu d-direzzjoni li l-UE se tieħu fil-ħames snin li ġejjin, u x’tista’ tkompli tagħmel għall-isport u l-inklussività – aħna nistgħu nwasslu l-messaġġi tagħna dwar dan billi nagħmlu użu mill-kampanja Did-Darba se Nivvota li l-Parlament Ewropew nieda għaċ-ċittadini ”- Anna Zammit Vella, Aġent Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta

It-tim tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u tal-Agenzija Żgħażagħ qassmu informazzjoni għall-votanti, inkluż ktejjeb bil-Malti u bl-Ingliż dwar l-Unjoni Ewropea li tfassal speċifikament għal dawk li qed jivvutaw għall-ewwel darba fil-Kumpless tal-Basketball ta’ Ta’ Qali fejn sar l-avveniment.