Il-President il-ġdid tal-Congo, Felix Tshiskedi jingħata l-faxxa ta' President mill-ex President Kabila

L-Arċisqof Fridolin Ambongo Besungu ta’ Kinshasa fil-Congo qal lill-President tal-pajjiż Felix Tshiskedi li kien qed jattendi quddiesa fil-Katidral tal-kapitali tal-Congo li “avvenimenti politiċi riċenti ma laħqux l-aspirazzjonijiet tal-poplu” u wissieh li l-poplu qed jaqta’ qalbu.

Il-Konferenza Episkopali tal-Congo qed tikkontesta r-riżultati elettorali tat-30 ta’ Diċembru li għadda, wara li l-mexxej tal-Oppożizzjoni, il-President Tshisekedi kien dikjarat rebbieħ

Martin Fayulu li ġieb it-tieni l-akbar numru ta’ voti qed jgħid li kiseb il-maġġoranza tal-voti u li Tshisekedi għamel ftehim mal-ex President Joseph Kabila, biex seraq il-vot.

Assikurazzjoni ta’ ggvernar aħjar

L-Isqfijiet li aċċettaw ir-riżultat uffiċjali għall-ġid tal-pajjiż, appellew lill-mexxejja l-ġodda biex jinqatgħu b’mod radikali mir-reġim l-antik u jagħtu assikurazzjoni konkreta ta’ ggvernar aħjar.

“It-tamiet tal-poplu tkissru u kienu sagrifikati fuq l-artal tal-kalkoli egoistiċi u l-interessi tal-ftit u b’hekk inħolqot il-frustrazzjoni u l-iskoraġġiment”, qal l-Isqof Ambongo waqt l-omelija tal-Għid il-Kbir. Huwa qal li fil-pajjiż m’hemmx il-kundizzjonijiet biex tinbenda soċjetà bażata fuq il-ġustizzja u l-paċi u li l-avvenimenti soċjo-politiċi tal-aħħar ġranet ħallew klima ta’ inċertezza.

L-Isqof temm l-omelija tiegħu b’messaġġ ta’ tama. “Tibżgħux. Taqtgħux qalbkom. Fuq kollox tpoġġux it-tama tagħkom fuq persuna. Afdaw f’Alla għax hu biss jista’ jgerbeb il-ġebla li qed timbarralkom il-futur”.

Kristu ħaj u qiegħed fostna

“Alla jgħidilna biex ma noqgħodux idejna marbuta jew naqtgħu qalbna għax Kristu hu ħaj u qiegħed fostna. Hu qatt ma jabbandunana. Qed isejħilna biex ngħaddu mid-dlam għad-dawl biex noħolqu soċjetà aħjar.”

L-Isqof appella b’mod speċjali lill-mexxejja tal-pajjiż biex “jabandunaw il-qalb tal-ġebel tagħhom” u jkunu sensittivi għat-tbatija tal-oħrajn.

“Tħallux il-forzi tad-dlam u tal-ħażen imexxukom u jwasslukom biex tieħdu azzjonijiet li tkissru l-pajjiż. Tħallux il-mibegħda, t-tribaliżmu, il-korruzzjoni u l-effetti tagħha, il-firda u vizzji żsiena oħra jidħlu f’qalbkom” wissa l-Isqof lill-mexxejja l-ġodda tal-pajjiż.

Fil-Congo il-Kattoliċi huma kważi nofs il-popolazzjoni ta’ 80 miljun persuna. U l-Isqfijiet huma rispettati ħafna. Il-Knisja hi l-unika istituzzjoni mifruxa mal-pajjiż kollu li għandha r-rispett tal-poplu u tmexxi nofs l-iskejjel u l-faċilitajiet tas-saġġa fil-Congo.

Fil-messaġġ tal-Għid, is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali qal li “l-ferħ tal-Qawmien li qed niċċelebraw illum jikkuntrasta ħafna mal-kriżijiet li qed niffaċċjaw fosthom kriżi umanitarja kbira li aktar twassalna naħsbu dwar il-mewt milli dwar il-ħajja.”

Staqsa xi jfisser dan il-Qawmien għal miljuni ta’ nies fil-Congo li għadhom qed iħorru s-salib. “Kif nistgħu nemmnu liKristu li ġarr it-tbatija tal-miljuni li qed isofru,  jgħix u jaġixxi f’pajjiżna fejn ħafna minn ħutna għadhom jgħixu fil-miżerja?” staqsa s-Segretarju tal-Konferenza Episkopali.