Qorti Newsbook Stock

8 persuni mill-istess familja tressqu l-qorti lbieraħ wara li spiċċaw fi ġlieda fl-Għid il-Kbir li fiha użaw frosti taż-żwiemel u anke sikkina.

It-8 persuni, li joqogħdu fl-istess 2 toroq f’Bormla, u li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 18-il sena sa 59 sena, allegatament ħebbew għal diversi membri ta’ familja oħra Bormliża. 2 mill-allegati vittmi weġġgħu gravi, u 2 oħra weġġgħu ħafif.

It-8 irġiel li 6 minnhom huma żgħażagħ li għandhom bejn 18 u 26 sena, ieħor raġel ta’ 36 sena, u ieħor ta’ 59 sena, huma akkużati li kisru l-paċi pubblika, u li heddew u weġġgħu lill-membri ta’ familja oħra bejn it-2.45pm u l-4pm f’Ħadd il-Għid. Din ma kinitx l-ewwel darba li tlewmu dawn iż-żewġ familji, tant li wieħed miż-żgħażagħ kien ordnat mill-Qorti biex iżomm ‘il bogħod minn wieħed mill-vittmi f’sentenza li ngħatat is-sena li għaddiet. 4 mill-akkużati kienu akkużati wkoll li kellhom arma bla liċenzja, u li kisru l-kundizzjonijiet tal-parole. It-8 li huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi.

2 minnhom kienu ngħataw il-ħelsien mill-arrest f’każijiet separati. Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tirrevoka l-ħelsien mill-arrest taż-żewġ żgħażagħ u biex iżżomm id-depożiti tagħhom ta’ €6,000 u €20,000. Talbet ukoll li l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni għall-familja li spiċċat vittma tal-ġlieda.

4 mill-akkużati ngħataw ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €5,000, filwaqt li l-ħelsien ma ngħatax lill-4 l-oħra.

Il-familja l-oħra hija mistennija titressaq il-qorti fil-jiem li ġejjin.