Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jkun qed iħabbar l-ikbar proġett li għandu potenzjal. Dan il-proġett se jkun jinkludi spazju kbir u miftuħ u se jkun jista’ jitgawda minn kulħadd.

Joseph Muscat ħabbar dan waqt id-diskors tiegħu fil-Konferenza Ġenerali Annwali li saret il-Ħadd fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun. Huwa semma li dan il-proġett huwa parti mill-proġett ieħor sabiex Malta tkun aktar nadifa. Muscat spjega li bħalissa diġà hemm mudell li qed jintuża f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex u dan irid jiġi implimentat madwar il-gżira kollha permezz tal-Kunsilli Lokali u r-reġjuni.

L-infrastruttura mhux biss fit-toroq iżda f’aspetti oħra

Muscat tkellem dwar l-infrastruttura u spjega li din mhux biss fit-toroq iżda wkoll fil-qasam legali, soċjali u diġitali. Semma kif bħalissa fit-toroq qed isiru diversi xogħlijiet li sakemm isiru jkun hawn diversi diffikultajiet fosthom it-traffiku. Huwa qal li dawn ix-xogħlijiet qed isiru sabiex jiżguraw li t-toroq ikunu għal 20 u 25 sena u mhux għal ftit snin.

Huwa semma l-mina ta’ bejn Malta u Għawdex bħala link permanenti u din twassal għall-qabża fil-kwalità tal-ħajja kif ukoll aktar investiment f’Għawdex.

Filwaqt li faħħar l-atleti Maltin li kkompetew fl-Olimpjadi Speċjali, Joseph Muscat ħabbar li  se jkun hawn aktar inizjattivi sportivi sabiex il-Maltin u l-Għawdxin igawdu minnhom.

Dwar l-innovazzjoni huwa semma li f’Malta hawn niċeċ ekonomiċi li ma jitwemmnux. Semma kif il-kumpaniji li qed jinvestu f’Malta mhux ikollhom biżżejjed Maltin jaħdmu magħhom minkejja l-pagi li qed joffru u għalhekk hemm bżonn il-barranin f’Malta sabiex dawn il-kumpaniji ma jitilqux.

Għamilna liġijiet importanti li jgħinu biex Malta tkun iktar inklussiva

Muscat spjega li 15-il sena ilu meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, kull persuna fl-Unjoni Ewropea tista’ tiġi Malta, bħalma l-Maltin jistgħu jmorru f’dawn il-pajjiżi. Dan wassal biex ikun hawn iktar barranin jgħixu f’Malta u għalhekk hemm il-ħtieġa li l-Maltin jkunu inklussivi.

Il-Mexxej Laburista tkellem dwar id-drittijiet li daħlu f’Malta permezz tal-Partit Laburista kemm mill-Oppożizzjoni kif ukoll mill-Gvern. Semma l-introduzzjoni tal-liġi tad-divorzju, il-liġi dwar il-ġeneru u oħrajn li wasslu biex ikun hawn iktar inklussività. Huwa rringrazzja lill-kandidati b’diżabbiltà li qed jikkandidaw f’isem il-Partit Laburista.

Muscat semma wkoll il-qasam socjali li permezz ta’ diversi inizjattivi li ttieħdu u li se jkomplu jittieħdu fil-futur aktar persuni se jkunu jistgħu jgawdu minnhom.

Muscat qal kif bħala partit kif ukoll bħala Gvern irid li ma jkunx hemm differenza bejn is-sessi, kemm b’mod finanzjarju kif ukoll l-opportunitajiet fix-xogħol u l-karriera. Żied li dawn l-inizjattivi jkomplu jgħinu lin-nisa biex jidħlu jew jimirħu fil-qasam tax-xogħol.

Aktar nies qed igawdu mis-suċċess li qed tagħmel Malta

Il-Mexxej tal-Partit Laburista qal li aktar nies qed igawdu mis-suċċess li qed tagħmel Malta. Huwa semma kif għat-tielet sena konsekuttiva Malta reġgħet għamlet surplus u dan il-ġid qed jitqassam bejn kulħadd. Muscat qal li dan affettwa lil kulħadd u ta eżempju kif bosta familji qed igawdu minn child care b’xejn, iż-żieda fil-pensjoni għall-anzjani, roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-pazjenti li qed jistennew operazzjoni u ħafna aktar nies.

Muscat qal li dan kollu juri li l-Partit Laburista għandu għal qalbu lil Malta u għalkemm hemm ħafna sfidi, bħala partit lesti għalihom. Muscat assigura li hu mhux se jkun qed jieqaf zopptu u fadal ħafna iktar xogħol xi jsir.

Pożittivi għall-proposta tal-ispazju miftuħ – PD

Il-Partit Demokratiku laqa’ b’mod pożittiv il-proġett ta’ spazju miftuħ li se jkun qed iniedi l-Gvern fil-jiem li ġejjin. Huma qalu li dan huwa pass ‘il quddiem u mhux importanti min jissuġerrixxi u jimplimenta, l-aqwa li dak li għandu jsir isir.