Ix-xemgħat li jkollhom riħa tfuħ illum tista’ tgħid li ssibhom f’kull dar madwar il-Gżejjer Maltin. Filwaqt li jfewħu d-dar, jidher li dawn ix-xemgħat jaf huma ta’ periklu għat-trabi.

Hi u tisqi lil binha, l-omm Meghan Budden minn New Jersey fl-Istati Uniti nnutat li binha Jimmy kellu tikek suwed ġo mnieħru. Hi ppruvat tneħħihom, imma baqgħu hemmhekk, u bdiet tinkwieta. L-omm ftakret li l-lejl ta’ qabel kienet xegħlet ix-xemgħat li jfuħu għal 6 sigħat. Fuq ix-xemgħa, kien hemm twissija għal meta wieħed iħalliha mixgħula għal iktar minn 3 sigħat. L-omm irrealizzat li binha kien qed jibla’ n-nugrufun tax-xemgħat.

Il-periklu ta’ dawn ix-xemgħat huwa li fihom ħafna tossini li jistgħu jirriżultaw f’mard serju. Dan qalitu Anne Steinmann mill-Università ta’ Melbourne, li hi esperta tat-tniġġis ambjentali. Qalet li dawn ix-xemgħat jistgħu jagħmlu ħsara lill-moħħ, lill-kliewi u lis-sistema tan-nervituri ċentrali, u jistgħu jikkawżaw diffikultajiet fl-iżvilupp ukoll.

Skont Cashin and Associates, fl-Istati Uniti, imutu 20,000 persuna f’sena minħabba n-nugrufun tax-xemgħat. Barra minn hekk, dawn jikkawżaw mat-300,000 attakk tal-ażma fis-sena.

L-esperti jirrakkomandaw li l-ftajjel tax-xemgħat jinqatgħu biex ikunu qosra, u anke li wieħed ma jħallix ix-xemgħat mixgħulin fit-tul.