Żieda fl-ispejjeż u tnaqqis fil-kunsinna tal-karozzi Mercedes poġġew lil Daimler AG f’diffikultà biex iżommu mat-targets finanzjarji tal-kumpanija matul l-2019. Daimler AG hija l-kumpanija wara diversi mudelli ta’ karozzi lussużi fosthom Mercedes-Benz.

Il-profit ta’ Daimler AG fl-ewwel kwart ta’ din is-sena ra tnaqqis importanti minħabba partikolarment nuqqas ta’ bejgħ u spejjeż dejjem jiżdiedu biex jiġu manifatturati mudelli ġodda. Matul din is-sena l-kumpanija kienet ħabbret pjan ta’ tnaqqis fl-ispejjeż biex tagħmel tajjeb għal din it-trend.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Daimler AG Dieter Zetsche qal li se tkun sfida diffiċli biex il-kumpanija tlaħħaq mat tbassir għal din is-sena, iktar hu iktar wara r-riżultati finanzjarji tal-ewwel kwart tas-sena. Huwa tenna li sabiex ilaħħqu mal-miri li fasslet għal din is-sena fid-diversi dipartimenti u strutturi tagħha, għandha issir ħidma importanti iffukata fuq tqassim u tħaddim aħjar tar-riżors.

Il-kunsinna tal-karozzi Mercedez-Benz matul Marzu li għadda naqset 5.6 fil-mija b’riżultat ta’ tnaqqis ta’ dħul li jammonta għal-16 fil-mija fl-ewwel kwart ta’ din is-sena qabel it-taxxa u l-interessi. Minkejja dawn ir-riżultati negattivi xorta waħda l-kumpanija qed tbassir żieda ħafifa qabel it-taxxa u l-interessi.

Daimler mistennija tnaqqas madwar 10,000 post tax-xogħol matul ix-xhur li ġejjin permezz ta’ miżuri volontarji bħala parti mill-ħidma tagħha li tiffranka madwar 6 biljun ewro fi spejjeż fil-manifattura sal-2021.

‘Żmien id-deheb għat-televiżjoni’

Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ HBO Asia, Jonathan Spink, iż-żmien li qed ngħixu fih jista’ jitqies bħala ż-żmien tad-deheb għat-televiżjoni. Dan għaliex fi kliemu qed jinħadem ħafna kontenut ta’ kwalità li jiġbed l-attenzjoni tal-investituri. HBO huma magħrufa għas-serje televiżivia ‘Game of Thrones’ li għamlet uħud mill-akbar suċċessi fl-istorja tat-televiżjoni.

Waqt li kien qed jitkellem f’konferenza li saret f’Bali fl-Indoneżja huwa saħaq li qed jinħoloq ħafna kontenut f’diversi serje televiżivi, madanakollu, huwa qal li din tista’ tkun sikkina taqta’ minn żewġ naħat. Dan għaliex minkejja li l-kontenut ikun vast, l-utenti jkollhom iktar konfużjoni fejn se jaċċessawh. Huwa qal li stazzjonijiet bħal HBO jaf ikollhom vantaġġ fuq kumpaniji bħal Netflix għaliex mhux biss joffru programmi ta’ kwalità iżda wkoll jistgħu faċilment jiġu aċċessati mill-utenti għaliex ixxandru ‘real-time’.

Dawn il-kummenti twasslu f’mument fejn kumpaniji ġganti bħal Disney u Netflix qed jinvestu biljuni kbar biex joħolqu iktar kontenut. Ftit tal-ġimgħat ilu Disney ħabbret is-servizz tagħha ta’ livestreaming bi prezzijiet iktar kompettivi minn dawk ta’ Netflix.

Intant Jonathan Spink irrefera għal problema tal-istreaming illegali fejn qal li l-ewwel episodju tal-aħħar staġun ta’ Game of Thrones tniżżel b’mod illegali madwar 70 miljun darba. Huwa saħaq li l-gvern u r-regolaturi għandhom jaħdmu iżjed biex iwaqqfu din l-illegalità, li fi kliemu tista’ twassal sabiex fil-futur issir problematika li jinħadmu produzzjonijiet ta’ kwalità.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.